Starlites jeleminaw lil Depiro b’rebħa drammatika u Hibs jiksbu t-tieni rebħa

Monday, October 30, 2017, 16:34

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 56

Hibernians 77

(18-13)(11-14)(16-19)(11-31)

Gżira Athleta kienu l-aħħar team li għamel id-debutt għal dan

Ritratt: Wally Galea

l-istaġun meta ltaqgħu kontra Hibernians fl-ewwel logħba mis-St. James Hospital Shield. Wara diversi snin immexxija minn Joe Galea, Athleta issa se jkunu taħt it-tmexxija ta’ Ray Muscat b’Galea jieħu post fil-kumitat tal-istess club. Għalijhom irritorna Omar Said wara żewġ staġuni nieqes u ddebuttaw l-Amerikan Stephan Shepard u l-akkwist il-ġdid Ivan Mitrovic però kien nieqes il-player tas-sena tal-istaġun li għadda Michael Naudi. Il-partita ġiet deċiża fl-aħħar sessjoni meta Hibs iddominaw kontra d-difiża żona tal-avversarji. Hibs però kienu wkoll dominanti taħt il-boards fejn kisbu 60 rebound u ftit taw ċans lill-Athleta hekk kif it-twal tagħhom kienu dominanti. Il-ftuħ tal-partita kien bilanċjat bl- Athleta jieħdu l-ewwel vantaġġ wara punti ta’ Nathan Xuereb, Peter Shoults u trippla ta’ Mitrovic. Hibs wieġbu bi trippla minn Alvaro Lizaur li issa se jkun jista jilgħab bħala local foreigner flimkien ma’ Chad Patus però Athleta temmew it-taqsima 18-13 minn fuq. Hibs bdew it-tieni perjodu bi break ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Patus biex marru minn fuq 22-18. Shepard u Shoults wieġbu għall-Athleta bl-istess Shoults ikollhu trippla stupenda eżatt qabel l-intervall biex ħalla lill- Athleta minn fuq 29-27.

Wara l-intervall assistejna għal numru sabiħ ta’ three pointers fuq iz-żewġ naħat. Shoults kompla fejn ħalla meta kiseb erbgħa oħra, fil-waqt li Patus, Lizaur u Luke Farrugia kollha wieġbu mill-istess pożizzjoni għal Raħal Ġdid. Athleta kienu għadhom 4 minn fuq qabel ma Hibs għamlu l-aħħar ħames punti tat-taqsima minn Lizaur u Anton Axiaq biex dawwru l-iskor favurhom 46-45. Hibs ħarġu qawwi fl-aħħar taqsima hekk kif bdew bi trippla ohra ta’ Lizaur f’run ta’ 11-2. Ray Muscat kien kostrett jagħjjat time-out però Hibs komplew b’run oħra ta’ 12-0 b’żewġ three pointers oħra ta’ Lizaur u marru 20 minn fuq 69-49. Athleta finalment wieġbu b’baskets ta’ Shoults u Shepard flimkien ma’ trippla ta’ Mitrovic iżda kienu għadhom wisq ‘l boghod u Hibs serrħu rashom bi break iehor ta’ 8-0 biex ħarġu rebbieħa 77-56.

Gzira Athleta: F. Mifsud Bonnici, D. Camilleri, S. Shepard 21, P. Shoults 21, N. Xuereb 4, O. Said, L. Stefanovic, S. Vincic, I. Mitrovic 10, S.Saakian.

Hibernians: R. Vella 3, P. Attard, L. Farrugia 7, S. Attard, I. Bonett, K. Caruana 1, A. Axiaq 7, M. Matijevic 7, C. Patus 31, F. Mariani, A. Lizaur 27.

Referees: Emanuel Mangani, Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Cynergi Depiro 74

 

Starlites GIG 80

(15-21)(22-24)(22-16)(15-19)

Cynergi Depiro kienu l-ewwel team li spiċċa eleminat minn din il-kompetizzjoni wara li Starlites rebħu l-konfront 80-74. Din kienet l-isbaħ partita ta’ tmiem il-ġimgħa fejn il-polemiċi ma naqsux speċjalment fl-aħħar azzjoni meta basket ta’ Kurt Xuereb gie mħassar għal foul fl-attakk, deċiżjoni li ġabet rabja kbira mill-klan ta’ Depiro speċjalment tal-istess player li tkeċċa għal protesti. Il-wirja stupenda ta’ Dominic Scafidi, bla dubju l-aqwa waħda tiegħu kemm ilhu jilgħab f’pajjiżna ma kienitx bizzejjed biex Depiro jevitaw it-telfa. Kienu Depiro li għamlu l-ewwel tmien punti tal-partita bejn Scafidi u David Bugeja. Starlites bil-mod bdew jirrispondu u jidħlu fil-logħba meta kellhom il-punti tal-Amerikan Mitchell Brewe flimkien ma’ Robert Bonnici u Ryan Carabott u trippla ta’ Shawn Pace li poġġiethom fuq quddiem. Starlites żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Bonnici u għalkemm Depiro kellhom risposta minn Malcolm Mallia, Alvaro Querios u Bugeja, Starlites temmew l-ewwel sessjoni 21-15 minn fuq. Depiro reġgħu marru fuq quddiem fit-tieni perjodu bi three pointers ta’ Scafidi u Andrew Aquilina. Starlites malajr wieġbu b’seba’ punti mingħajr risposta u ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin. Trippla ta’ Bonnici fetħet run oħra ta’ 8-2 minn Starlites biex daħlu jistrieħu 45-37 minn fuq.

L-istess Bonnici fetaħ it-tielet taqsima, għal darb’oħra bi three pointer bid-Depiro jwieġbu bi break ta’ 9-2 kollhu minn Scafidi u Bugeja biex naqqsu d-distakk ghal 4 punti. Trippla ta’ Scafidi kompliet tressaqhom viċin però hawn Startlies kellhom run ta’ 9-0 b’mument tajjeb minn Carabott flimkien ma’ Brewe biex marru 61-59 minn fuq. Depiro ma ċedewx u qabel intemmet is-sessjoni kienu huma li għamlu break ta’ 10-0 għal darb’oħra minn Scafidi u Bugeja biex naqqsu d-distakk għal basket 59-61. Depiro komplew fil-ftuħ tal-aħħar taqsima b’erba’ punti oħra ta’ Scafidi biex ħadu l-vantaġġ. Starlites kellhom risposta mmedjata bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Pace u punti ta’ Alec Felice Pace, Carabott u Julian Wait. Depiro komplew jitħabtu u Bugeja wassalhom sa’ 3 punti ‘l boghod 74-77. Hawn waslet l-azzjoni ta’ Xuereb bil-basket tieghu ma jiġix konvalidat u minflok ġie msaffar foul fl-attakk. Il-protesti ta’ Depiro sarrfu fl-aħħar tlett freethrows tal-partita li Mitchell ikkonkluda biex Starlites hargu rebbieha 80-74.

Cynergi Depiro: E. Briffa, D. Bugeja 17, M. Agius, L. Duckinson 2, A. Aquilina 8, N. Grech, A. Attard, M. Mallia 3, A. Querios 2, K. Xuereb, M. Borg, D. Scafidi 42.

Starlites GIG: S. Pace 8, M. Azzopardi, R. Bonnici 19, A. Schembri, S. Borg 2, M. Falzon, A. Felice Pace 6, R. Carabott 11, O. Psaila, N. Andrejevic, J. Wait 4, M. Brewe 30.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Tuomas Mantere.





Leave a comment