Starlites isaħħu l-vantaġġ fuq l-avversarji

Tuesday, February 19, 2013, 23:57

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Siġġiewi 59

St. Nicholas Suns 69

(14-21)(12-15)(9-16)(24-17)

St. Nicholas Suns kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fuq Siġġiewi dan l-istaġun meta għelbuhom 69-59. Siġġiewi kienu mingħajr Glenn Gauchi Grech u Anthony Shoults u Suns irkupraw lil Hubert Agius. Wara li Suns marru 7-2 minn fuq, Siġġiewi wieġbu bi break ta’ 8-2 b’baskets ta’ Clement Kodormaris biex kisbu l-ewwel u l-uniku vantaġġ f’din il-partita. Ir-risposta ta’ Suns ġiet bi break ta’ 12-0 b’żewġ trippli ta’ Michael Barberi biex temmew is-sessjoni 21-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu kein hemm punti fuq kull naħa b’Igor Marjanovic jikseb l-ewwel erba’ baskets ta’ Sun u Agius għamel trippla. Għal Siġġiewi l-punti waslu minn Graham Coleiro u John Paul Antoncic. Is-sessjoni għalqet b’żewġ baskets fuq kull naħa biex Suns daħlu jistrieħu 10 minn fuq 36-26.

Wara l-intervall Suns komplew juru l-aħjar logħob u mmexxija tajjeb minn Marjanovic għamlu run ta’ 10-2 bil-player Serb ikollhu trippla għal skor ta’ 46-28. Siġġiewi wieġbu bil-baskets ta’ Adam Cutajar u Samuel Mamo pero’ Suns kien għad kellhom vantaġġ ta’ 17 –il punt 52-35. L-aħħar taqsima bdiet bi tlett baskets fuq kull naħa biex id-distakk baqa kif kien 58-41. Hawn Siġġiewi kellhom break ta’ 8-0 biex naqqsu d-distakk pero’ Keith Scicluna kellhu żewġ baskets konsekuttivi li reġgħu taw ftit tan-nifs lil Suns. Basket ta’ Barberi u trippla ta’ Marjanovic reġgħu raw lil Suns iżidu l-vantaġġ u minkejja li Siġġiewi kellhom break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Antoncic, kienu Suns li rebħu l-partita 69-59.

 

Siġġiewi: L.Grima 2, L. Grech 8, S. Mamo 3, JP Antoncic 13, A. Duncan 2, A. Debattista, A. Cutajar 6, C. Kodomaris 11, G. Coleiro 14.

St. Nicholas Suns: K. Scicluna 17, S. Borg, J. Paris 2, H. Agius 14, M. Barberi 10, R. Camilleri, S. Cauchi 2, I. Marjanovic 24.

Referees: Steve Gouder, Luke Camilleri.

 

Floriana 52

Mellieħa 48

(18-7)(6-18)(17-7)(11-16)

 

Fit-tielet konfront ta’ bejniethom, Floriana rnexxielhom jidħlu l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Mellieħa bl-iskor ta’ 52-48. Mellieħa li rkupraw lil Oliver Sammut pero’ kienu mingħajr Joshua Aquilina kienu team b’żewġt uċuh fejn lagħbu tajjeb f’żewġ sessjonijiet u fit-tnejn l-oħra għamlu diversi żbalji. Kienu Floriana li kellhom bidu mill-aqwa meta bi trippli ta’ Adrian Pace, Rihards Polis u Karl Cucciardi marru 14-2 minn fuq. Wara li Sammut flimkien ma’ Samuel Aquilina għamlu l-punti ta’ Mellieħa, Floriana għalqu s-sessjoni b’basket ta’ Omar Shamala għal skor ta’ 18-7. Floriana kisbu wkoll l-ewwel żewġ baskets tat-tieni sessjoni minn Polis u Shamala. Pero’ minn hemm il-quddiem, kienu Mellieħa biss li għamlu l-punti f’run sabiħa ta’ 16-0 b’Sammut jagħmel trippla. Huma rnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ punt li żammewh sal-half time 25-24.

Fit-tielet sessjoni, Mellieħa reġgħu waqfu u Floriana approfittaw. Huma reġgħu bdew bi break ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Polis u Jeremy Curmi. Matthew Cauchi flimkien ma Sammut reġgħu wieġbu għal Mellieħa pero’ l-punti ta’ Floriana komplew ġejjin permezz ta’ Shamala u Polis u fi tmiem il-perjodu kellhom vantaġġ ta’ 9 punti 41-32. Pero’ fl-aħħar sessjoni Mellieħa reġgħu ġew f’tagħhom u wara li sofrew trippla oħra minn Polis, kellhom run ta’ 11-0 b’żewġ trippli ta’ Sammut biex waslu sa punt ‘l bogħod mill-avversarji 45-46. Floriana żammew il-vantaġġ wara freethrows ta’ Pace pero’ fl-aħħar żewġ sekondi tentattiv ta’ Sammut daħal u ħareġ biex freethrows ta’ Curmi aċċertaw lil Floriana mir-raba’ rebħa tagħhom tal-kampjonat.

 

Floriana: G. Cordina, M. Ciantar, K. Borg, R. Polis 17, J. Curmi 12, M. Pace 8, E. Farrugia, A. Pace 8, O. Shamala 10, S. Schembri, K. Vella, K. Cucciardi 5.

Mellieħa Tritones: M. Cauchi 7, J. Muscat 3, M. Vella, P. Magro 4, O. Sammut 17, M. Borg Anastasi 7, S. Aquilina 10, J. Sant, H. Fenech, R. Rozmovski.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobroslavljic.

 

Starlites 116

Miscela D’Oro Mtarfa 50

(35-10)(18-18)(39-5)(24-17)

 

Starlites kisbu d-disa rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Miscela D’Oro Mtarfa 116-50 f’partita li ddominaw kompletament. Mtarfa kellhom ħames players biss għal din il-partita bin-nuqqas ta’ diversi players bħal Nicholas Grech, Jarnis Viibe, Malcolm Sammut, David Cini u Josef Attard. Starlites mil-bidu bdew jiddominaw il-partita tant li bdewha bi break ta’ 8-2 b’baskets minn Steve Sammut. Wara basket ta’ Matthew Borg għal Mtarfa, Starlites komplew b’run oħra ta’ 8-0. Wara li Mtarfa kellhom trippla minn Jean Paul Borg, Starlites għamlu run oħra ta’ 13-2 għal skor ta’ 35-10. It-tieni sessjoni kienet iktar bilanċjata hekk kif Ray Muscat bidel il-ħames players tiegħu u Mtarfa setgħu jaqsmu aktar il-logħob mall-avversarji. Għal ħin twil kien hemm botta u risposta hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex fl-intervall Starlites kienu 53-28 minn fuq.

Wara l-mistrieħ il-partita reġgħat kienet dominata minn Starlites li kellhom żewġ breaks qawwija ta’ 20-0 b’Sammut u Gabor Szokreny protagonisti u ieħor ta’ 15-0. Mtarfa spiċċaw il-partita bi tlett players hekk kif Matthew Borg u Mike Agius ġew fouled out. Ir-raba’ sessjoni ma kienx fiha storja għalkemm kien hemm diversi trippli fuq iż-żewġ naħat biex Starlites rebħu l-partita 116-50.

 

Starlites: A. Schembri 2, R. Loporto 10, R. Bonnici 15, J.C. Khalil 11, D. Sultana 2, D. Garcia 8, C. Doublet 6, S. Sammut 27, G.Szokreny 25, B. Soler 10, A. Cutajar, F. Bartolo 2.

Miscela D’Oro Mtarfa: A. Psaila 8, J.P. Borg 13, , D. Farrugia 22, M. Borg 6, M. Agius 1.

Referees: Steve Gouder, Jacques Abeng.

 

 

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti
Starlites

9

9

0

18

St. Nicholas Suns

10

7

3

17

Siġġiewi

9

6

3

15

Mellieħa Tritones

9

4

5

13

Floriana

9

4

5

13

Phoenix Qormi Żmerċ Pub

9

2

7

11

Miscela D’Oro Mtarfa

9

0

9

9

 

 





Leave a comment