Starlites GIG jieħdu l-ewwel vantaġġ kontra Athleta

Monday, May 6, 2019, 19:02

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni – FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 73

Starlites GIG 74

(28-10)(6-29)(13-19)(26-16)

Starlites GIG ħasdu lil Gżira Athleta b’rimonta stupenda fit-tieni sessjoni biex ħadu l-ewwel vantaġġ fil-finali tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni 74-73. Athleta kienu ilhom weqfin mil-logħob għal xi ġimgħat fil-waqt li Starlites temmew is-semifinali tagħhom ġimgħa qabel. B’hekk Starlites kisbu t-tieni rebħa fuq Athleta wara li kienu rebħulhom ukoll fis-semi-finali tan-Knockout. Kienu Athleta li kellhom l-aħjar bidu permezz ta’ Luca Stefanovic u Francesco Mifsud Bonnici. Starlitesd kellhom il-baskets ta’ Miguel Falzon biex naqqsu d-distakk però hawn waslu sensiela ta’ three pointers minn Matthew Gouder li kiseb ħamsa b’kollox f’din is-sessjoni flimkien m’ieħor ta’ Nathan Xuereb. Bejniethom Starlites kellhom punti ta’ Matthew Scerri u Nenad Stojanovsji però Athleta temmew is-sessjoni 28-10 minn fuq. Dak li m’għamlux fl-ewwel sessjoni, Starlites però għamluh fit-tieni waħda hekk kif huma mal-ewwel bdew inaqqsu d-distakk b’sitt punti mingħajr risposta. Wara basket ta’ Gouder għall-Athleta, Starlites komplew b’run ta’ 15-0 fejn kellhom three pointers minn Isaac Pace, Scerri u Stojanovski biex qalbu r-riżultat favurhom 35-32. Athleta dehru maħsuda u minkejja li Mifsud Bonnici ġab basket lura, Starlites għalqu l-perjodu bi trippla ta’ Owen Psaila għal skor ta’ 39-34 favurhom.

Wara l-intervall, ir-reazzjoni tal-Athleta ma waslitx, anzi kienu Starlites li komplew b’run oħra ta’ 12-2 b’żewġ three pointers minn Psaila u Pace biex marru 15 minn fuq 51-36. Finalment Athleta rnexxielhom jirrispondu bi break ta’ 9-2 fejn kien hemm is-sitt trippla ta’ Gouder però punti ta’ Stojanovski raw lil Starlites itemmu t-taqsima 58-47 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni kien hemm sitt punti fuq kull naħa li ħallew lil Starlites fuq quddiem 64-51. Hawn Athleta għamlu run oħra ta’ 12-2 bi trippla ta’ Xuereb flimkien ma’ Gouder u Stefanovic biex waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod mill-avversarji 63-66. Stojanovski u Pace reġgħu żiedu l-vantaġġ ta’ Starlites u l-aħħar pussess kien tal- Athleta li riedu erba’ punti biex isalvaw il-partita però rnexxielhom jagħmlu trippla minn Stefan Vincic fost protesti għal foul li ma ssaffarx biex Starlites ħadu l-ewwel rebħa 74-73.

Gżira Athleta: C. Schembri, F. Mifsud Bonnici 7, J. Wait, E. Abela, L. Stefanovic 17, S. Galea, N. Xuereb 13, M. Gouder 29, N. Guida 4, S. Vincic 3, J. Ransley, R. Abela.

Starlites GIG: O. Psaila 10, M. Azzopardi 3, L. Vella, I. Felice Pace 4, M. Fabri, I. Pace 16, M. Scerri 9, M. Falzon 7, L. Riolo, A. Xuereb, M. Vella, N. Stojanovski 25.

Referees: Tuomas Mantere, Christine Xuereb.





Leave a comment