Starlites GIG jibqgħu bla telfa

Sunday, January 6, 2019, 22:30

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Fl-ewwel ġurnata ta’ logħob għas-sena 2019 kienet osservata minuta silenzju qabel kull partita bħala tislima lil Emanuel Mangani, referee tal-basketball lokali għal aktar minn 40 sena li ħalla din id-dinja nhar il-Ħamis 3 ta’ Jannar. Il-partita tas-Sibt bejn Floriana u Hibernians kienet posposta.

 

 

Bupa Luxol 86

Starlites GIG 90

(22-19)(30-24)(18-19)(16-28)

Il-leaders Starlites GIG kellhom jistennew sal-aħħar ħinjiet tal-partita biex jieħdu r-raba’ rebħa tagħhom fil-kampjonat kontra Bupa Luxol. Iż-żewġ timijiet kellhom Amerikan ġdid fejn għal Luxol kien hemm id-debutt ta’ Jerrell Martin u għal Starlites William Darley ħa post Joe Tagarelli. Wara li Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ permezz ta’ trippla ta’ Vukassin Jandric u basket ta’ Martin, Starlites wieġbu b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Darley u punti ta’ Andrew Sears. Wara punti fuq kull naħa, Luxol għamlu break ta’ 9-0 bil-baskets minn Martin u William Ahlberg u

Ritratt: Wally Galea

għalkemm Starlites ippareġjaw bi trippla ta’ Cameron Ward, punti minn Jandric raw lil Luxol itemmu l-ewwel sessjoni 22-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu Luxol saħħew il-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Jandric però Starlites baqgħu viċin bil-punti ta’ Sears u Jordan Stotts. Luxol kellhom mument tajjeb li rahom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 13 –il punt 45-32 wara punti minn Keith Dimech flimkien ma’ Jandric u Ahlberg. Starlites irkupraw speċjalment bil-punti ta’ Ward u sal-intervall naqqsu d-distakk 52-43.

Wara l-mistrieħ kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu meta bdew b’run ta’ 11-4 u waslu sa’ basket ‘l bogħod mill-avversarji 54-56. Luxol irkupraw u kienu huma li għamlu run ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Ahlberg biex marru 10 minn fuq 66-56. Hawn Starlites reġgħu wieġbu permezz ta’ Ward u Stotts però baskets ta’ Stefan Cappello ħallew lil Luxol 8 minn fuq 70-62. Fl-aħħar sessjoni Starlites tħabtu biex inaqqsu d-distakk u ġew ippremjati wara sensiela ta’ punti minn Stotts li rathom jagħmlu l-iskor indaqs 80-80. Għal darbtejn, Luxol reġgħu marru minn fuq iżda trippla tal-akkwist il-ġdid ta’ Starlites l-Amerikan Darley fl-aħħar 8 sekondi aċċertathom mir-rebħa fuq skor finali ta’ 90-86.

Bupa Luxol: CJ Cordina, V. Jandric 27, L. Caruana Montaldo, J. Martin 18, JP Schembri 4, K. Dimech 10, W. Ahlberg 17, F. Sekulic 2,  S. Cappello 8.

Starlites Gig: O. Psaila, N. Formosa 5, R. Bonnici 2, C. Ward 22, M. Falzon, A. Felice Pace 4, R. Carabott, M. Scerri, A. Sears 16, W. Darley 20, J. Stotts 21.

Referees: Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dvorniczak.

Balkan Fusion 39

Gżira Athleta 90

(3-28)(16-10)(14-29)(4-23)

Gżira Athleta fetħu l-impenji tagħhom fis-sena 2019 b’rebħa fuq Balkan Fusion 90-39. Athleta wkoll ppreżentaw żewġ players Amerikani ġodda, Julio Guity li ħa sehem f’din il-partita fil-waqt li Connell Crossland kien biss spettatur minħabba r-reġistrazzjoni. Balkan sfortunatament reġa’ kellhom biss sitt players u spiċċaw jilgħabu b’erbgħa wara li tkeċċa Nikola Vasovic u weġġa’ Nikola Andrejevic. Athleta ddominaw il-ftuħ tal-partita meta għamlu l-ewwel 28 punt mill-ħames players li kellhom fuq il-court fosthom tlett baskets kull wieħed minn Matthew Gouder, Kwame Thompson u Guity. L-ewwel punti ta’ Balkans waslu minn trippla ta’ Stefan Todorovic u basket ta’ Vasovic għal skor ta’ 28-3. Fit-tieni taqsima Athleta naqqsu xi ftit ir-ritmu u Balkan setgħu jiksbu aktar punti speċjalment minn Nikola Kovacevic u Vasovic biex fl-intervall Athleta kienu 38-21 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Athleta reġgħu bdew l-aħjar bi break ta’ 10-2 fosthom trippla ta’ Vincent Pace. Balkans kellhom il-punti minn Nikola Bozovic iżda l-punti tal-Athleta ma waqfux hekk kif Pace u Guity komplew iżidulhom il-vantaġġ u għalqu t-tielet taqsima 67-35 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni l-andament tal-partita baqa’ l-istess speċjalment wara li Andrejevic ma kompliex jilgħab biex Balkan spiċċaw b’erba’ players. Athleta għalqu l-partita bi break ta’ 15-0 b’żewġ trippli ta’ Gouder u oħra ta’ Nathan Xuereb biex ħarġu rebbieħa 90-39.

Balkan Fusion: N. Andrejevic 2, N. Bozovic 7, A. Schembri 2, N. Vasovic 8, S. Todorovic 12, N. Kovacevic 8.

Gżira Athleta: P. Shoults 2, L. Stefanovic 7, N. Xuereb 7, M. Gouder 18, K. Thompson 18, V. Pace 13, I. Mitrovic 3, J. Guity 22.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dvorniczak.





Leave a comment