Starlites GIG jerbħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt it-23 sena

Wednesday, April 17, 2019, 17:26

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/23 Nisa

minn Colin Schembri

Hibernians 55

Starlites GIG 66

(18-21)(8-6)(17-20)(12-19)

Starlites GIG rebħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena tat-tfajliet meta għelbu lil Hibernians 66-55 fi tmiem ta’ finali missielta quddiem attendenza numeruża. Hibs, spiċċaw il-fażi regolari fl-ewwel post u fis-semi-finali għelbu lil Depiro fil-waqt li Starlites spiċċaw fit-tieni post u għelbu lil Luxol fis-semi-finali tagħhom. Ħafna mill-players li ħadu sehem f’din il-finali qiegħdin ukoll jilgħabu fil-finali tal-kampjonat tan-nisa bejn l-istess żewġ timijiet. Starlites fetħu l-finali bl-ewwel punti ta’ Christina Curmi flimkien ma’ Michela Zammit Cordina u Kirsty Galea. Hibs kellhom risposta permezz ta’ trippla ta’ Naomi Farrugia u baskets ta’ Hannah Al Tumi biex marru 11-10 minn fuq. Starlites komplew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Curmi flimkien ma’ Anthea Micallef u minkejja li Hibs kellhom aktar punti minn Al Tumi, Iona Agius u Kirsty Caruana, Starlites temmew l-ewwel sessjoni 21-18 minn fuq. It-tieni taqsima kienet storja differenti hekk kif il-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Hibs kellhom run ta’ 8-2 bi tlett baskets ta’ Al Tumi però basket qabel intemmet is-sessjoni minn Curmi ħalla lil Starlites fuq quddiem 27-26.

Wara l-intervall Hibs kellhom l-aħjar bidu u ħames punti mingħajr risposta tawhom vantantaġġ ta’ 4 punti. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin sakemm punti ta’ Micallef u Zammit Cordina raw li Starlites jerġgħu jmorru minn fuq. Wara li Altumi u Agius reġgħu taw vantaġġ lil Hibs, Starlites kellhom run ta’ 9-2 li għalquha bi trippla ta’ Galea eżatt mal-ħorn biex temmew il-perjodu 47-43 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Starlites komplew b’sitt punti oħra u wara risposta tal-Hibs, żewġ trippli minn Mikela Riolo u Galea raw lil Starlites jiftħu vantaġġ massimu ta’ 12 –il punt 59-47. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Naomi Farrugia però Starlites għamlu sitt punti oħra mingħajr risposta u minkejja li Farrugia għamlet trippla oħra il-ħin kien favur Starlites biex huma ħarġu rebbieħa 66-55. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil Christina Curmi ta’ Starlites fost il-ferħ tal-players, diriġenti u partitarji tagħhom.

Hibs: Kaya Calleja, Julia Scerri 2, Iona Agius 9, Jasmine Abela 2, Britney Agius, Sophie Abela 6, Rachelle Camilleri, Naomi Farrugia 10, Hannah Al Tumi 20, Kirsty Caruana 6, Maya Vella.

Starlites GIG: Emma Degiorgio, Kristy Galea 8, Martina Ferrante, Michela Zammit Cordina 13, Kim Pirotta, Christina Curmi 21, Emma Azzopardi, Anthea Micallef 13, Sasha L’ecuyer, Mikela Riolo 11.

Referees: Tuomas Mantere, Zvezdan Dobrosaviljevic

 





Leave a comment