Starlites GIG jerbħu t-tielet partita u jidħlu fil-finali kontra Athleta

Monday, April 29, 2019, 16:59

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Starlites GIG 79

Siġġiewi 74

(8-10)(19-20)(29-16)(12-22)(11-6)

Starlites GIG kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni meta fit-tielet partita tas-semi-finali għelbu lil Siġġiewi 79-74 wara l-ħin barrani. Kif juri l-iskor il-partita kienet missielta ferm għalkemm Starlites kellhom vantaġġ komdu ta’ 15 –il punt fl-aħħar taqsima huma sofrew ir-rimonta ta’ Siġġiewi u l-partita kellha tiġi deċiża fil-ħin barrani. Fl-ewwel sessjoni kienu Starlites li marru fuq quddiem bi break ta 8-3 b’żewġ baskets ta’ Mirco Azzopardi flimkien ma’ Miguel Falzon u Matthew Scerri. Siġġiewi rkupraw u għamlu seba’ punti mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Alex Novakovic u spiċċaw it-taqsima minn fuq 10-8. Siġġiewi komplew iżidu l-vantaġġ fit-tieni perjodu permezz ta’ Milan Nedic, Hubert Agius u Novakovic u marru 10 minn fuq 25-15. Starlites ġew lura b’run ta’ 10-2 b’żewġ three pointers minn Ian Felice Pace u Luca Vella qabel ma Novakovic għamel trippla li ħalliet lil Siġġiewi minn fuq sal-halftime 30-27.

Wara l-intervall kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu b’Felice Pace jagħmel żewġ three pointers oħra u marru minn fuq 39-32. Siġġiewi rrispondew l-ewwel bi trippla ta’ Quentin Bugeja u wara kellhom ukoll il-punti ta’ Nedic u Billy Zammit biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 41-43. Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ minn Felice Pace u Nenad Stojanovski biex temmew is-sessjoni 56-46 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Starlies fetħu vantaġġ massimu ta’ 15 –il punt 66-51 wara baskets ta’ Felice Pace u Falzon. Hawn Siġġiewi kellhom l-aħjar mument tal-partita fejn għamlu run ta’ 17-2 b’diversi punti minn Novakovic, Nedic u Agius biex ippareġjaw il-partita 68-68. Fil-ħin barrani ż-żewġ timijiet kellhom barra players bil-ħames foul bis-Siġġiewi jitlfu wkoll lil Nedic b’injury. Starlites fetħu b’żewġ trippli ta’ Scerri li kien il-protagonist fl-aħħar ħames minuti. Għal darbtejn Siġġiewi waslu sa’ basket ‘l bogħod però kienu Starlites li għalqu l-partita bil-punti ta’ Scerri u Falzon biex ħarġu rebbieħa 79-74.

Starlites: I. Felice Pace, M. Scerri 18

Siġġiewi: A. Novakovic 31

Programm tal-finali:

Il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju: 19:30: Gżira Athleta vs Starlites GIG

It-Tnejn 6 ta’ Mejju: 19:30: Starlites GIG vs Gżira Athleta

Il-Ħamis 9 ta’ Mejju: 19:30: Gżira Athleta vs Starlites GIG

It-Tlieta 14 ta’ Mejju: 19:30: Starlites GIG vs Gżira Athleta

Is-Sibt 18 ta’ Mejju: 15:00: Gżira Athleta vs Starlites GIG

 





Leave a comment