- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Starlites GIG jerbħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena

Posted By sportinmalta1 On March 9, 2020 @ 10:13 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/13 Nisa

minn Colin Schembri

Starlites GIG 63

Depiro 57

(17-11)(11-21)(19-11)(16-14)

Għal darb’oħra, Starlites GIG rebħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena meta għelbu l-isfida qawwija ta’ Depiro 63-57 fi tmiem ta’ finali kumbattuta li ntlagħbet quddiem attendenza mill-aqwa u storbjuża. B’diversi players li jimmilitaw b’mod regolari fil-kampjonat nazzjonali il-partita offriet mumenti ta’ basketball tajjeb għalkemm Depiro ħassew xi ftit l-eċitament tal-finali speċjalment fl-ewwel minuti. Starlites spiċċaw l-ewwel fażi fl-ewwel post u ħadu post awtomatiku fil-finali fil-waqt li Depiro kellhom l-ostaklu tas-semi-finali fejn huma għelbu lil Luxol 63-50. Kienu Starlites li fetħu l-aħjar meta għamlu l-ewwel 12 -il punt tal-partita fosthom żewġ trippli minn Michela Zammit Cordina. Depiro kisbu l-ewwel punti tagħhom b’basket ta’ Julia Borg u komplew b’run ta’ 9-2 bi trippla tal-istess Borg u basket ta’ Thea Mifsud għal skor ta’ 17-11. Fit-tieni perjodu Depiro ħarġu aħjar u kienu huma li għamlu run ta’ 12-0 fejn bdew bi trippla ta’ Nicole Agius flimkien ma’ Borg u marru minn fuq 23-17. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Zammit Cordina u Anthea Micallef però Depiro bdew jirrispondu għal punti li qalgħu speċjalment permezz ta’ Mifsud biex żiedu l-vantaġġ għal 8 punti. Zammit Cordina għamlet trippla oħra flimkien m’azzjoni ta and one biex naqqset l-iżvantaġġ għal 4 punti 28-32.

Wara l-intervall, l-istess Zammit Cordina flimkien ma’ Micallef reġgħu poġġew lil Starlites fuq quddiem. Depiro rkupraw bi trippla ta’ Agius flimkien ma’ Mifsud u Neve Borg u għal darb’oħra marru fuq quddiem 43-38. Hawn Starlites kellhom mument ieħor tajjeb b’disa’ punti mingħajr risposta minn Zammit Cordina, Micallef u Catherine Cilia biex ħadu l-vantaġġ fi tmiem is-sessjoni 47-43. Fir-raba’ taqsima ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Starlites żammew il-vantaġġ 55-46. Żewġ trippli ta’ Julia Borg u oħra ta’ Agius  taw tamiet ġodda lil Depiro hekk kif waslu sa’ basket ‘l bogħod 57-59. Punti ta’ Maria Fenech li kellha sehem importanti fir-raba’ taqsima għalqu l-partita bi Starlites joħorġu rebbieħa 63-57 fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom bil-partitarji ta’ Depiro japplawdu wkoll lill-players tagħhom. Il-President tal-MBA ippreżenta t-trofew lil Mikela Riolo u Michela Zammit Cordina fost il-ferħ tal-players li ċċelebraw ukoll mal-coach David Baudot f’għeluq sninhu.

Starlites: Emma Degiorgio, Mikela Riolo 4, Nicole Schembri, Kaya Mifsud, Michela Zammit Cordina 28,

Ritratt: Wally Galea

Catherine Cilia 10, Emma Azzopardi, Anthea Micallef 15, Maria Fenech 6, Rachel Camilleri.

Depiro: Nicole Agius 14, Thea Mifsud 10, Jasmine Mallia, Nicole Ebejer, Claudia Camilleri 4, Noelene Agius, Nicole Hili 3, Julia Borg 21, Maria Micallef, Neve Borg 4, Emily Cassar 1.

Referees: Gordon Barbara, Kamil Dworniczak, Sejmir Jafilika

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/starlites-gig-jerbhu-l-kampjonat-ta-taht-it-23-sena/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.