Starlites GIG jerbħu l-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena tal-irġiel

Saturday, April 20, 2019, 23:11

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/19 Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 63

Starlites GIG 74

(10-28)(16-27)(24-10)(13-9)

Wara li rebħu l-kampjonat tat-tfajliet, Starlites GIG rebħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena tal-irġiel biex għamlu d-doppjeta f’din il-kategorija. Athleta għaddew għall-finali wara li kienu għelbu lil Luxol 78-65 fil-ħin barrani fil-waqt li Starlites għelbu lil Depiro 97-71. Kienu Athleta li għamlu l-ewwel żewġ baskets minn Eric Abela u Nathan Xuereb però minn hemm ‘l quddiem Starlites kellhom kontroll tal-partita. Fil-fatt, Starlites għamlu run ta’ 20-0 fejn kellhom il-punti ta’ Miguel Vella, Matthew Scerri, Ian Felice Pace u Isaac Pace. Athleta finalment waqqfuhom b’basket ta’ Michele Laferla però żewġ trippli ta’ Pace raw lil Starlites itemmu t-taqsima 28-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta fetħu b’basket ta’ Juanito Falzon bi Starlites iwieġbu bi break ieħor ta’ 7-2. Xuereb għamel trippla għall-Athleta iżda hawn Starlites reġgħu għamlu break ieħor ta’ 15-5 b’aktar punti ta’ Felice Pace flimkien ma’ Miguel Fabri, Nick Formosa u Pace biex fetħu vantaġġ ta’ 27 punt 50-23 u sal-intervall kabbruh għal 29, 55-26.

Wara l-mistrieħ Athleta kienu aktar agressivi u b’diversi punti ta’ Xuereb naqqsu d-distakk għal 20 punt 39-59 wara run ta’ 10-2. Wara li Starltites wieġbu bil-punti ta’ Formosa, Athleta komplew inaqqrulhom l-vantaġġ b’run oħra ta’ 7-2 għal skor ta’ 65-50. Fl-aħħar taqsima, Starlites waqqfu r-rimonta tal-Athleta hekk kif kienu huma li għamlu l-ewwel 5 punti. Athleta ppruvaw jerġgħu jirkupraw b’seba’ punti oħra minn Xuereb u Sean Galea però l-ħin kien kontrijhom u Starlites kellhom il-punti ta’ Felice Pace u Formosa qabel ma Xuereb kiseb l-aħħar ħames punti tal-partita biex Starlites ħarġu rebbieħa 74-62. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew ta’ Champions lil Miguel Vella ta’ Starlites biex huma ċċellebraw ukoll ir-rebħ ta’ dan il-kampjonat wara li rebħu wkoll dak tat-tfajliet.

Gżira Athleta: Edward Sciberras 1, Michele Laferla 4, Ryan Zammit, Miguel Baldacchino, Mateja Mijovic, Sean Galea 2, Nathan Xuereb 37, Dylan Desira,  Juanito Falzon 2, Nikola Zdravevski, Eric Abela 8, Ryan Abela 9.

Starlites GIG: Samuel Calo, Luca Riolo 2, Miguel Vella 14, Ian Felice Pace 19, Miguel Fabri 2, Isaac Pace 12, Matthew Scerri 10, Nick Formosa 15, Andrea Vella, Alex Xuereb.

Referees: Tuomas Mantere, Zvezdan Dobrosaviljevic, Malek Hraisha.





Leave a comment