Starlites GIG Champions ġodda tal-basketball femminili

Sunday, May 5, 2019, 23:09

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa – FINALI

minn Colin Schembri

Hibernians 69

Starlites GIG 73

(18-9)(25-21)(15-30)(11-13)

Quddiem waħda mill-akbar attendenzi tal-istaġun Hibernians u Startlites GIG

Ritratt: Wally Galea

iltaqgħu għall-ħames finali tal-kampjonat Mapfre MSV Life. Partita li ħalliet lil kulħadd fuq ix-xwiek sal-aħħar sekondi u finalment kienu Starlites li ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 73-69 biex rebħu l-ewwel kampjonat fl-istorja tagħhom. Wara tlett snin fit-tmexxija ta’ Starlites, il-coach David Baudot kiseb l-ewwel kampjonat tiegħhu f’pajjiżna flimkien ma’ diversi players li wkoll daqu s-suċċess finali għall-ewwel darba. Starlites kellhom jilgħabu mingħajr Josephine Grima u tilfu lil Patricia Arguello fl-aħħar taqsima però fl-aħħar sessjoni wettqu r-rimonta li tathom il-kampjonat. Hibs ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Elena Cassar u marru 7-2 minn fuq fit-tielet minuta. Starlites kellhom risposta permezz ta’ Christina Curmi però Hibs żiedu d-distakk wara trippla ta’ Sam Brincat. Maria Bonett ġabet basket lura għal Starlites iżda Hibs għalqu s-sessjoni b’basket ta’ Amelia Simmons u trippla ta’ Leanne Duncan għal skor ta’ 18-9. Fit-tieni perjodu kienu Hibs li komplew iżidu l-vantaġġ u żewġ free-throws ta’ Simmons tawhom vantaġġ doppju 24-12. Starlites kellhom il-punti minn Michela Zammit Cordina u Geocelis Reynoso però Hibs komplew b’run ta’ 9-2 biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 17 –il punt 41-24 sad-disa’ minuta. Starlites irkupraw bil-punti ta’ Arguello biex fl-intervall Hibs kienu 13 minn fuq 43-30.

Fit-tielet taqsima, Starlites ħasdu għal kollox lill-avversarji u sa’ nofs is-sessjoni qalbu l-iskor favur tagħhom. Huma għamlu run ta’ 16-1 fejn kellhom it-trippli ta’ Curmi, Arguello u tnejn wara xulxin ta’ Kristy Galea għal skor ta’ 46-44 fil-ħames minuta. Hibs irkupraw b’seba punti konsekuttivi ta’ Duncan fosthom trippla biex reġgħu marru minn fuq iżda Arguello għamlet żewġ three pointers konsekuttivi u minkejja trippla ta’ Simmons, Starlites temmew it-taqsima 60-58 minn fuq. L-emozzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom fl-aħħar sessjoni. Arguello fetħet bi trippla però fit-tielet minuta kellha tħalli l-court wara foul anti-sportiv hekk kif aktar kmieni kellha wkoll technical foul. Hibs dehru li se japprofittaw meta għamlu tmien punti mingħajr risposta minn Simmons u Duncan u sal-ħames minuta kienu 69-63 minn fuq. Iżda minn hemm ‘l quddiem kienu biss Starlites li għamlu l-punti u bil-mod bdew iġibu d-distakk sakemm trippla ta’ Curmi tathom il-vantaġġ fit-tmien minuta 71-69. Sa’ tmiem il-partita Hibs tilfu lil Simmons u lil Duncan bil-fouls u Starlites għalqu l-partita bil-punti ta’ Galea u Reynoso biex ħadu t-tielet rebħa u l-kampjonat . Fi tmiem il-partita kien hemm ċelebrazzjonijet kbar minn naħa ta’ Starlites hekk kif Kristy Galea rebħet l-unur tal-MVP tal-finali u l-captain ta’ Starlites Samantha Farrugia rċeviet it-trofew ta’ champions mingħand Martina Camilleri, Business Executive ta’ Mapfre MSV Life fil-preżenza tal-President tal-MBA Paul Sultana.

Hibs: E. Micallef, E. Cassar 7, K. Calleja, S. Brincat 6, I. Agius, J. Abela, S. Abela 10, A. Simmons 28, N. Farrugia,

Ritratt: Wally Galea

H. Al Tumi, K. Caruana, L. Duncan 18.

Starlites: M. Zammit Cordina 4, K. Galea 11, M. Riolo 2, S. Farrugia, M. Bonett 8, G. Reynoso 12, C. Curmi 12, H. Acreman, P. Arguello 24, M. Cutajar, S. Davies, A. Lupo.

Referees: Bernard Vassallo, Tuomas Mantere, Daniella Torok.

Statistika…

Hibs

Free throws – 14 on 20

Baskets – 20 on 43

Three pointers – 5 on 15

Rebounds – 41

Assists – 16

Turnovers – 10

Steals – 4

Fouls Suffered – 17

Fouls Made – 18

Starlites

Free throws – 17 on 23

Baskets – 16 on 47

Three pointers – 8 on 17

Rebounds – 36

Assists – 15

Turnovers – 8

Steals – 5

Fouls Suffered – 18

Fouls Made – 18





Leave a comment