- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Starlites fil-finali għat-tieni sena konsekuttiva…din id-darba kontra Hibs

Posted By sportinmalta1 On December 18, 2017 @ 8:01 pm In Basketball,Featured | No Comments

Tazza Louis Borg Nisa

minn Colin Schembri

Starlites GIG 61

Caffè Moak Luxol 59

(14-18)(11-11)(20-17)(16-13)

Aggregate: 118-122

Caffè Moak Luxol ma rnexxielhomx idawwru r-riżultat fit-tieni leg tas-semifinali tagħhom kontra Starlites GIG minkejja li rebħu l-partita 61-59. Starlites għaddew għal finali b’aggregate ta’ 122-118 biex għat-tieni sena konsekuttiva se jilgħabu fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Luxol kellhom lura lil Christina Curmi li tilfet l-ewwel leg u Starlites kellhom lura lil Danielle Agius però Jaelle Micallef kienet nieqsa. Fil-ftuħ tal-partita, Luxol marru 7-2 minn fuq b’żewġ baskets ta’ Curmi flimkien ma’ Paula Ellul u Sarah Pace. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Hayley Acreman u Patricia Arguello flimkien ma’ Adriana Lupo biex naqqsu d-distakk. Huma komplew b’żewġ three pointers minn Jean Doughty u Stephanie Davies biex marru minn fuq 14-11 u rnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ 4 punti 18-14. Fit-tieni sessjoni punti ta’ Kristy Galea u Arguello raw lil Starlites ikabbru l-vantaġġ għal disa’ punti 27-18. Luxol naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Ina Baena Medina u Noelene Vella però Starlites daħlu jistrieħu 29-25 minn fuq.

Wara l-intervall, kienu Starlites li komplew iżidu d-distakk permezz ta’ trippla minn Arguello. Luxol irrispondew permezz ta’ Pace u Kay Portelli però kienu għadhom 6 minn taht 32-38. Id-dħul ta’ Cristina Sollami ta ħajja ġdida lill-attakk tac-champions hekk kif punti konsekuttivi tagħha rawhom jaslu sa’ punt ‘l boghod. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex id-distakk baqa ma nbidilx sa’ tmiem is-sessjoni bi Starlites fuq quddiem 46-45. Luxol finalment ħadu l-vantaġġ fir-raba’ taqsima permezz ta’ Baena Medina u minkejja li Starlites kellhom trippla oħra minn Arguello, Luxol baqgħu fuq quddiem bil-punti ta’ Martina Darmanin u Pace. Starlites għamlu run ta’ 8-2 b’baskets ta’ Samantha Farrugia u fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 59-54. Luxol ma ċedewx u għalqu l-partita bi break ta’ 7-0 fosthom żewġ trippli ta’ Baena Medina però ma kienx għad fadlilhom ħin u minkejja li rebħu l-partita 61-59, Starlites straħu fuq is-sitt punti vantaġġ tal-ewwel leg biex kienu huma li għaddew għall-finali.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 10, C. Borg Millo, M. Caruana, I. Baena Medina 17, N. Vella 2, K. Portelli 2, P. Ellul 4, C. Solllami 13, M. Darmanin 4, C. Curmi 8.

 

Starlites GIG: D. Agius, K. Galea 7, J. Doughty 5, S. Farrugia 6, H. Acreman 6, D. Revol, E. Magrin, P. Arguello 24, M. Cutajar, S. Davies 5, A. Lupo 4.

Referees: Emanuel Mangani, Jennifer Mangani, Jason Cole.

Hibernians 56

 

Gżira Athleta 53

(19-7)(19-10)(5-11)(13-25)

Aggregate: 122-106

Hibernians ħadu rebħa oħra din id-darba b’distakk ta’ 3 punti fuq il-holders Gżira Athleta biex eleminawhom b’aggregate ta’ 122-106 biex se jikkontestaw il-finali kontra Starlites. Hibs kienu fil-kontroll tul il-partita kollha b’Silvia Gambino għal darb’oħra tispikka bi prestazzjoni mill-aqwa. Kien biss fl-aħħar sessjoni meta Hibs kellhom diversi sostituti fuq il-court li Athleta ħadu vantaġġ fil-partita però kien hemm ukoll id-distakk tal-ewwel partita. Wara basket inizzjali minn Leanne Duncan għall-Athleta, Hibs irrispondew b’run stupenda ta’ 17-0. Huma kellhom fost l-oħrajn żewġ trippli minn Gambino flimkien m’oħra ta’ Elena Cassar u basket minn Rachel Kehoe. Athleta finalment wieġbu bi trippla ta’ Denise Said Hollier però Hibs kienu diġa 12 minn fuq 19-7. Fit-tieni perjodu, Hibs reġgħu fetħu qawwi meta għamlu break ta’ 8-0 bi trippla ohra ta’ Gambino. Wara punti ta’ Amelia Simmons għall-Athleta kienet Sophie Abela li wieġbet bi three pointer għal Hibs li kellhom aktar punti minn Gambino u Sam Brincat biex fl-intervall kienu 38-17 minn fuq.

It-tielet taqsima kienet nieqsa mill-punti speċjalment mill-Hibs li kellhom biss 5. Athleta naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Julia Schembri u punti minn Simmons. Lejn tmiem is-sessjoni, punti konsekuttivi ta’ Antoinette Borg komplew inaqqsulhom id-distakk għal skor ta’ 43-28. Athleta fetħu l-aħħar sessjoni bi trippla oħra ta’ Schembri però Hibs kellhom risposta permezz ta’ trippla ta’ Gambino flimkien ma’ Abela. Hawn pero Athleta kellhom l-aħjar  mument tagħhom fis-semifinali meta għamlu run ta’ 20-1 b’Simmons tispikka flimkien ukoll mat-three pointers ta’ Borg u Elena Pace. Huma ħadu vantaġġ ta’ basket 52-50 pero l-ħin kien kontrijhom u Hibs setgħu iserrħu rashom mir-rebħa permezz ta’ punti minn Kirsty Caruana u Brincat biex ħarġu rebbieħa 56-53.

Hibs: E. Micallef 2, E. Cassar 8, S. Gambino 24, S. Brincat 5, I. Agius, J. Abela, S. Abela 10, K. Caruana 4, N. Farrugia, R. Kehoe 3, K. Calleja, J. Scerri.

 

Gżira Athleta: N. Borg, B. Zammit, L. Duncan 2, A. Simmons 30, D. Said Hollier 5, A. Borg 7, J. Schembri 6, S. Vella, E. Pace 3, C. Mifsud.

Referees: Nicky Azzopardi, Stephen Micallef, Kamil Dworniczak.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/starlites-fil-finali-ghat-tieni-sena-konsekuttiva-din-id-darba-kontra-hibs/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.