Starlites champions ta’ taħt is-sittax –il sena tat-tfajliet

Monday, March 20, 2017, 13:30

Kampjonat St. James Hospital U/16 – Nisa

minn Colin Schembri

Hibs 43

Starlites 61

(0-17)(20-12)(4-20)(19-12)

Starlites rebħu l-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena tat-tfajliet meta fil-finali għelbu lil Hibs 61-43. Għal Starlites u Hibs kienet it-tieni sena konsekuttiva li waslu fil-finali u wara li l-istaġun li għadda kienu Hibs li rebħu, dan l-istaġun l-unur mar għand Starlites taħt it-tmexxija tal-coach David Bugeja. Il-partita ntlagħbet quddiem pubbliku ferm numeruż. Starlites waslu sal-finali meta għelbu lil Eurboasket fis-semifinali fil-waqt li Hibs għelbu lil Depiro. Starlites ma setax jellhom bidu aħjar tal-partita meta rebħu l-ewwel taqsima 17-0. Huma kellhom punti minn Mikela Riolo, Michela Zammit Cordina, Emma Degiorgio, Anthea Micallef u Julia Cipriott. Fit-tieni perjodu, Hibs finalment bdew jirrispondu fejn kellhom il-punti ta’ Christabelle Camilleri u Jasmine Abela. Starlites wieġbu b’aktar punti ta’ Zammit Cordina però Hibs għamlu break ieħor ta’ 9-2 b’aktar punti minn Abela u Ylenia Bonett biex fl-intervall Starlites kienu 29-20 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, Starlites reġgħu bdew tajjeb fejn malajr reġgħu ħadu l-kontroll tal-partita bi break qawwi ta’ 12-2. L-20 punt ta’ Starlites ġew minn Riolo, Zammit Cordina flimkien ma’ Anthea Micallef hekk kif Hibs kellhom biss żewġ baskets minn Abela u Mary Buhagiar. Fl-aħħar taqsima, Hibs tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita u fil-fatt bdew bi break ta’ 12-2 bil-punti ta’ Sara Said u Abela. Huma naqqsu d-distakk 36-51 qabel ma Starlites irrispondew bil-punti ta’ Zammit Cordina u Micallef biex għal darb’oħra kabbru l-vantaġġ 61-38. L-aħħar punti ġew minn trippla ta’ Abela għal Hibs però Starlites rebħu l-partita 61-43 biex iċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

Hibs: Maya Borg, Ylenia Bonett 5, Zara Camilleri, Jasmine Abela 16, Britney Agius 5, Sara Said 6, Christabelle Camilleri 4, Gaia Camilleri, Eliza Farrugia, Mary Buhagiar 7, Amuna Scerri, Amber Galea.

Starlites: Emma Degiorgio 2, Mikela Riolo 10, Nicole Schembri, Kaya Mifsud, Michela Zammit Cordina 21, Adjel Dingli, Thea Bugeja, Giorgina Bensol 2, Anthea Micallef 20, Emma Jane Azzopardi, Shanaia Buhagiar, Julia Cipriott 6.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment