Starites u Victoria Libertas għar-rebħ tan-Knock out tat-tieni diviżjoni

Monday, February 25, 2019, 16:43

Bank of Valletta Knock-out Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 95

Starlites GIG 78

(18-22)(19-11)(21-24)(17-21)

 

B’Alec Felice Pace fuq il-bank minflok Sandro Farrugia li kien indispost, Starlites GIG wettqu sorpriża f’din is-semi-finali meta għelbu lil Gżira Athleta 78-75 biex mhux biss eleminawhom mill-kompetizzjoni iżda tawhom ukoll l-ewwel telfa tal-istaġun. Athleta kienu mingħajr diversi players regolari bħal Francesco Mifsud Bonnici, Nicolo Guida u Stefan Vincic però l-aktar li nħass kien in-nuqqas tal-coach Peter Farrugia li kien sospiż. Athleta fetħu tajjeb biex marru 15-9 minn fuq bil-punti ta’ Matthew Gouder. Starlites irkupraw u kellhom it-three pointers ta’ Alec Felice Pace u Matthew Scerri li rawhom jagħlqu l-ewwel sessjoni 22-18 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlies komplew bil-mument posittiv tagħhom u three pointer ta’ Mirco Azzopardi rahom jiftħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 33-22. Hawn Athleta irkupraw għaliex minn hemm ‘l quddiem ħallew lil Starlites bla punti u kienu huma li għalqu l-perjodu bi break ta’ 15-0 fosthom trippli minn Nathan Xuereb u Luca Stefanovic biex daħlu jistrieħu 37-33 minn fuq.

Wara l-intervall Athleta żiedu l-vantaġġ però Starlites reġgħu irkupraw b’ħames three pointers, 2 minn Nenad Stojanovski, 2 oħra minn Miguel Falzon u ieħor ta’ Owen Psaila biex marru minn fuq 50-49. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Julain Wait u Xuereb bi tippla biex sa’ tmiem it-taqsima reġgħu ħadu l-vantaġġ 58-57. L-aħħar taqsima kienet l-aktar waħda missielta fejn għal darbtejn Athleta reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 5 punti però kull darba Starlites bdew jersqu viċin. Trippla t’Azzopardi saħansitra poġġiethom 73-69 minn fuq għalkemm Athleta rkupraw u għamlu l-iskor indaqs 75-75 permezz ta’ Xuereb. L-aħħar attakk ta’ Starlites ra l-ballun jasal ghand Falzon li skorja t-trippla li tathom ir-rebħa u post fil-finali.

Gżira Athleta: N. Xuereb 24, M. Gouder 20.

Starlites GIG: I. Felice Pace 19, M. Falzon 17

Victoria Libertas 58

Depiro 57

(10-17)(20-20)(19-8)(9-12)

Meta dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-kampjonat kisbu rebħa kull wieħed però f’din is-semi-finali kienu Victoria Libertas li ħadu r-rebħa wkoll b’mod drammatiku fl-aħħar sekondi 58-57. Forsi ftit kienu jemmnu li ż-żewġ favoriti se jkunu eleminati però dan ma jnaqqas xejn mill-mertu kemm ta’ Starlites kif ukoll tal-Libertas li issa se jiltaqgħu fil-finali tal-31 ta’ Marzu. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ fejn kellhom it-trippli ta’ Miguel Brincat u Andy Attard. Libertas wieġbu permezz ta’ Emanuel Lupo però Depiro kellhom il-baskets minn Nenad Rosic u trippla ta’ Marko Zloh biex temmew is-sessjoni 17-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu Libertas naqqsu d-distakk wara trippla ta’ Matthew Binder u l-punti ta’ Christian Briffa. Depiro però baqgġu fuq quddiem meta Brincat kiseb trippla oħra flimkien ma’ Ethan Briffa li wkoll kellhu three pointer. Wara risposta minn Lupo u Binder għal Libertas, Depiro għalqu l-perjodu bi trippla ta’ Nuno Rodrigues għal skor ta’ 37-30.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u iktar ‘l quddiem Libertas għamlu break ta’ 14-3 bi trippla ta’ Nicolo Petrucci li rathom jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti li żammew sa’ tmiem is-sessjoni fuq skor ta’ 49-45. Fl-aħħar taqsima Depiro fetħu bill-punti minn Attard li kellhu wkoll trippla biex ippareġjaw wara ftit minuti. Punti ta’ Ian Terribile mill-free-throw line taw il-vantaġġ lil Libertas fl-aħħar sekondi. Basket ta’ Attard qarreb lil Depiro li kellhom iċ-ċans jaqilbu l-iskor però Zloh falla l-aħħar żewġ free-throws biex kienu Libertas li ħarġu rebbieħa 58-57.

 

Victoria Libertas: E. Lupo 16, M. Binder 11

Depiro: N. Rosic 16, A. Attard 12

 





Leave a comment