Staġun ta’ suċċess għall-Valletta Subbuteo Club

Saturday, July 13, 2019, 10:17

Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Lulju, 2019, ġewwa s-sala tal-Kunsill Lokali Valletta saret il-preżentazzjoni tal-istaġun 2018/2019.  Din il-preżentazzjoni ġiet organiżżata mill-MTFSA (Malta Table Football Sports Association).

Apparti s-suċċessi li kisbu barra minn xtutna, Valletta Subbuteo Club iddominaw lokalment.  Valletta Subbuteo Club rebħu l-kampjonat tal-klabbs għall-ħmistax-il darba, kif ukoll in-‘Knockout’.

Bħala kompetizzjonijiet individwali kien hemm Mario Camilleri li ngħata rikonoxximent wara li għadu kif ġie nkurunat bħala Champion tal-Ewropa fil-kategorija tal-Veterani.  Samuel Bartolo kien ir-rebbieħ tal-Premier Division, b’hekk hu sar Champion ta’ Malta għas-sitt darba, filwaqt li Mario Camilleri ġie t-tieni.  Ir-rebbieħ tal-ewwel Divizjoni kien Jurgen Balzan li wkoll għadu klassifikat fl-ewwel post tar-rankings mondjali, filwaqt li Andrew Abela ġie fit-tielet post.  Samuel Bartolo kien ukoll ir-rebbieħ tan-‘Knockout’, filwaqt li Mario Camilleri ġie fit-tielet post.

Qabel bdiet il-preżentazjoni kien hemm ukoll l-aħħar logħba tal-istaġun għaċ-‘Challenge Cup’.  Din intlagħbet bejn Samuel Bartolo u John Zammit.  Bartolo ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 2-1.

B’hekk Valletta Subbuteo Club, ma setgħux jispiċċaw l-istaġun aħjar.  It-tliet plejers barranin ta’ Valletta SC ukoll spiċċaw l-istaġun tajjeb, Il-Belġjan Pascal Scheen ftit tal-ġranet ilu għadu kif rebaħ it-turnament ta’ Messina fil-kategorija tal-Veterani,  il-Franċiż Axel Donval rebaħ il-kampjonat Franċiż, filwaqt li l-Ingliż Christian Short kien finalist fl-‘English Masters’.

Waqt l-istess serata, saret wkoll l-elezzjoni għall-kumitat il-ġdid tal-MTFSA, il-President ta’ Valletta Subbuteo Club Felix Rizzo, ħa jkun qed jifforma parti mill-kumitat bħala membru.

Għal din is-serata barra l-plejers kien hemm preżenti wkoll il-President tal-klabb Felix Rizzo, is-Segretarja tal-klabb Monalita Balzan u l-President Onorarju l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta s-Sur Ray Azzopardi.

L-appuntament li jmiss għat-tim ta’ Valletta Subbuteo club ser tkun iċ-‘Champions League’, li ser tintlgħab ġo Caen fi Franza f’Ottubru.





Leave a comment