St. Nicholas Suns u Starlites jirbħu l-partiti tal-ftuħ

Monday, October 5, 2015, 19:04

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

St. Nicholas Suns 52

Gżira Athleta 43

(13-14)(15-8)(13-6)(11-15)

Fl-ewwel partita mis-St.James Hospital Shield tat-tieni diviżjoni St. Nicholas Suns bdew l-impenji tagħhom b’rebħa fuq Athleta 52-43. It-team tas-Suns żammew bażikament l-istess team tal-istaġun li għadda għalkemm kien hemm xi players nieqsa. Huma żiedu fl-iskwadra lil John Paul Antoncic. Athleta wkoll kellhom diversi żgħażagħ mill-istaġun li għadda flimkien mal-akkwist ta’ Joshua Aquilina mingħand Mellieħa. Kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ b’żewġ baskets ta’ Luca Stefanovic u Julian Wait. Suns wieġbu b’sitt punti minn Keith Scicluna, Louis Camilleri u Michael Barberi. Athleta kellhom run ta’ 5-0 kollha minn Stefan Vincic biex marru fuq quddiem 9-6. Suns reġgħu marry minn fuq wara fast breaks ta’ Scicluna però trippla ta’ Vincic poġġiet lill-Athleta minn fuq 14-13. Il-bidu tat-tieni sessjoni kien bilanċjat bl-Athleta jżommu l-vantaġġ minimu li kellhom 19-18. Hawn però Suns kellhom run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Camilleri aktar baskets ta’ Scicluna u Hubert Agius biex temmew l-ewwel taqsima 28-22 minn fuq.

Athleta dehru li se jirkupraw fit-tielet taqsima meta bi trippla ta’ Vincic naqqsu d-distakk għal 5 punti 30-25. Hawn però reġgħu bdew ġejjin il-punti ta’ Scicluna għal darb’oħra minn fast breaks hekk kif Suns għamlu run ta’ 9-0. Athleta waqqfuhom bi trippla oħra ta’ Vincic iżda Suns temmew il-perjodu 41-28 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Suns komplew bi break qasir ta’ 6-2. Athleta wieġbu b’run ta’ 10-3 fejn kellhom trippla minn Luca Stefanovic. Athleta marru għal press biex jippruvaw isalvaw il-partita però ma rnexxielhomx iwaqqfu lil Suns li kellhom il-punti ta’ Antoncic biex ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun 52-43.

St. Nicholas Suns: S. Borg, K. Scicluna 20, H. Agius 7, M. Barberi 6, J.P. Antoncic 2, R. Camilleri, L. Camilleri 17.

Gżira Athleta: E. Schiappati, L. Stefanovic 15, M. Gauchi Montaldo 3, J. Wait 4, J. Aquilina 4, R. Bezzina 2, S. Vincic 15.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Starlites 63

Phoenix Frank Salt 53

(12-17)(11-13)(24-10)(16-13)

Starlites kienu temmew l-impenji tagħhom l-istaġun li għadda b’rebħa u bdew l-istaġun il-ġdid b’rebħa fuq Phoenix Frank Salt 63-53 hekk kif iż-żgħażagħ tagħhom komplew juru progress. Starlites ftit li għamlu tibdil fil-formazzjoni tagħhom hekk kif se jkomplu jibażżaw fuq iż-żgħażagħ tagħhom. Phoenix kellhom l-akkwisti ġodda ta’ Marco Vucinic u Karl Borg. Wara li Starlites ħadu vantaġġ minimu ta’ punt 5-4, Phoenix wieġbu bi break ta’ 10-0 li għalquh bi trippla ta’ Borg u kellhom ukoll il-punti ta’ Jonathan Ransley u Vucinic. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Thomas Grech u Miguel Falzon però Phoenix temmew is-sessjoni minn fuq 17-12. L-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif fit-tieni taqsima Phoenix kellhom run oħra ta’ 10-2 b’punti ta’ Antoine Costa u Darryl Pisani u kabbru l-vantaġġ għal 11 –il punt 27-16. Three pointer minn Alec Felice Pace beda r-rimonta ta’ Starlites li sal-intervall naqqsu d-distakk għal seba’ punti 23-30.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima, Starlites ħasdu lil Phoenix b’sitt punto konsekuttivi. Costa waqqafhom bi trippla però Starlites kienu fil-kontroll bi break qawwi ta’ 14-2 b’diversi punti minn Felice Pace, Grech u Falzon biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 47-37 qabel ma Borg għamel trippla għal Phoenix. Starlites ma tawx ċans lil Phoenix jirkupraw hekk kif bdew l-aħħar taqsima b’seba’ punti oħra fosthom trippla ta’ Clive Schembri. Ir-risposta ta’ Phoenix ġiet minn break ta’ 7-2 però Grech kellhu 4 punti oħra  flimkien ma’ trippla ta’ Terence Gatt biex rebħu l-partita 63-53.

Starlites: A. Schembri 4, C. Doublet 2, L. Vella, T. Gatt 5, C. Schembri 5, M. Falzon 18, A. Felice Pace 11, J. Agius, O. Psaila, Q. Bugeja, A. Cutajar, T. Grech 20.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 2, M. Vucinic 3, D. Pisani 11, D. Debattista 1, K.Borg 8, C. Camenzuli 1, J. Anastasi, J. Sant, A. Costa 9, J. Ransley 16, A. Toompere 2.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro.





Leave a comment