- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

St.Nicholas Suns jerbħu s-Shield

Posted By sportinmalta1 On November 12, 2013 @ 6:57 pm In Basketball,Featured | No Comments

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Tritones 51

SN Suns  49
(13-7)(10-16)(11-16)(15-12)

St. Nicholas Suns rebħu l-ewwel unur tal-istaġun tat-tieni diviżjoni meta fil-finali tas-St. James Hospital Shield għelbu lil Mellieħa Tritones 51-49 bil-basket deċisiv jasal eżatt fl-aħħar sekonda tal-partita minn Igor Marjanovic. Din kienet it-tieni partita bejn dawn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni u Mellieħa kienu rebħu l-ewwel waħda 47-39 meta dakinhar kienu rkupraw fl-aħħar tlett minuti. Għal Suns, jidher li l-akkwist ta’ Alex Bianchi se jkun ferm utli għalihom hekk kif dan il-player bi snin ta’ esperjenza ma’ Luxol kellhu partita mill-aqwa. Matul il-partita ftit kien hemm x’jifred liż-żewġ timijiet hekk kif l-akbar distakk bejn iż-żewġ timijiet kien ta’ sitt punti. Mellieħa, mħeġġa minn ammont sabiħ ta’ partitarji, kellhom l-aħjar bidu bil-baskets ta’ Clint Grixti u John Muscat. Suns wieġbu permezz ta’ Lee Grech u Hubert Agius però Mellieħa baqgħu minn fuq hekk kif kellhom żewġ baskets oħra minn Rihards Polis. Sat-tmiem is-sessjoni l-vantaġġ ta’ Mellieħa kiber għal sitt punti 13-7. Sa’ nofs it-tieni perjodu, Suns irkupraw bil-punti ta’ Hubert Agius u rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs wara trippla minn Michael Barberi 16-16. Joshua Aquilina reġa’ poġġa lil Mellieħa minn fuq bi tlett punti oħra iżda Barberi rrisponda bi trippla oħra. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin sal-intervall biex daħlu jistrieħu f’parita 23-23. 

Fl-ewwel nofs tat-tielet sessjoni Suns kellhom run qasira ta’ 7-2 bi trippla oħra ta’ Barberi. Fis-sitt minuta kien hemm trippla ta’ Polis għal Mellieħa flimkien ma’ baskets minn Muscat u Oliver Sammut. Eżatt qabel intemmet is-sessoni Simon Cauchi kellhu trippla għal Suns biex huma temmewha 39-34 minn fuq. Wara li Suns kabbru l-vantaġġ għal sitt punti fl-ewwel żewġ minuti tal-aħħar sessjoni 42-36, Mellieħa rkupraw u kellhom sitt punti mingħajr risposta biex ġabu l-iskor indaqs 42-42. Kif komplew ġejjin il-punti kollox deher li l-partita se tkun deċiża fl-aħħar ħinijiet hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Fl-aħħar nofs minuta basket ta’ Sammut ġab l-iskor indaqs. Suns għajtu time-out bl-arloġġ jimarka sekonda biss għat-tmiem. Il-ballun b’xi mod wasal għand Marjanovic li taħt il-board għamel il-basket deċisiv biex Suns rebħu t-tazza fost il-ferħ tal-players u l-partitarji.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 9, M. Farrugia, J. Muscat 9, J. Sant, S. Aquilina 4, P. Magro, O. Sammut 6, J. Aquilina 9, R. Polis 12, P. Cauchi, G. Gauchi Grech, K. Cucciardi.

SN Suns: A. Pace, S. Borg, K. Scicluna 2, L. Grech 2, H. Agius 2, M. Barberi 13, S. Farrugia, A. Bianchi 9, R. Mercieca, R. Camilleri, S. Cauchi 6, I. Marjanovic 9.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/st-nicholas-suns-jerbhu-s-shield/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.