St. Nicholas Suns fil-finali

Tuesday, November 5, 2013, 17:52

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

SN Suns 55

Phoenix Le Vin Wine Bar 52

(20-7)(12-20)(14-7)(9-18)

SN Suns saru t-tieni finalisti tas-St. James Hospital Shield kontra Mellieħa wara li għelbu lil Phoenix Le Vin Wine Bar 55-52 f’partita nteressanti. Iż-żewġ timijiet kellhom uċuh ġodda fl-iskwadri tagħhom fejn għal Suns kien hemm il-players Sam Farrugia u Alex Bianchi. Għal Phoenix kien hemm id-debutt tal-player Serb Goran Mitrovic flimkien ma’ Clayton Agius u Clayton Camenzuli iżda kellhom nieqes lil Jonathan Ransley. Il-partita rat ukoll id-debutt tar-referee Finlandiż Teemu Helenius. Phoenix għamlu l-ewwel punti tal-partita bi trippla ta’ Agius. Suns kellhom risposta qawwija b’run ta’ 16-0 b’żewġ trippli ta’ Michael Barberi flimkien mal-punti ta’ Igor Marjanovic, Lee Grech u Robert Mercieca. Wara li Phoenix għamlu żewġ baskets, huma fallew erba’ freethrows biex Suns temmew is-sessjoni 20-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Suns komplew iżidu l-vantaġġ wara t-tielet trippla ta’ Barberi 27-12. Hawn kellna break qasir ta’ 7-0 minn Phoenix bi trippla ta’ Mark Grech pero Barberi reġa’ għamel trippla għal Suns. Phoenix wieġbu bil-punti ta’ Camenzuli u fl-intervall Suns kienu 32-27 minn fuq.

It-tielet sessjoni damet ma ngranat u wara erba’ minuti saru biss basket fuq kull naħa. Suns ġew f’tagħhom u għaqqdu run ta’ 12-2 bi trippli minn Grech u Marjanovic biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 15 –il punt 46-31. Is-sessjoni għalqet bi trippla ta’ Antoine Costa li kellhu tnejn oħra fil-ftuħ tal-aħħar taqsima hekk kif Phoenix bdew jirkupraw tajjeb u għaqqdu run ta’ 12-2 u waslu sa basket ‘l bogħod mill-avversarji 46-48. Trippla ta’ Simon Cauchi tat xi ftit tan-nifs lil Suns però Phoenix marru minn fuq fid-disa’ minuta wara basket ta’ Agius. Fl-aħħar minuta, Grech reġa ta l-vantaġġ lis-Suns li żieduh bil-freethrows ta’ Cauchi u Barberi biex rebħu l-partita 55-52.

SN Suns: A. Pace, S. Borg, K. Scicluna, L. Grech 13, H. Agius, M. Barberi 16, S. Farrugia, A. Bianchi, R. Mercieca 7, R. Camilleri, S. Cauchi 10, I. Marjanovic 9.

Phoenix Le Vin Wine Bar: J. R. Marin, M. Grech 10, T. Grech, K. Azzopardi 2, D. Debattista, R. Curmi, C. Camenzuli 4, D. Pisani 4, C. Agius 3, A. Costa 13, G. Mitrovic 6, A. Toompere 8.

Referees: Emanuel Mangani, Teemu Helenius.





Leave a comment