- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

St. Nicholas Suns b’pass enormi lejn ir-rebħ tal-kampjonat

Posted By sportinmalta1 On March 17, 2014 @ 10:19 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Phoenix The Chef Bistro 67

Miscela D’oro Mtarfa 66

(13-18)(19-14)(15-16)(20-18)

Phoenix The Chef Bistro għamlu l-aħħar dehra tagħhom dan l-istaġun meta fl-aħħar partita tal-kampjonat għelbu lil Miscela D’oro Mtarfa 67-66 b’żewġ free-throws ta’ Luke Azzopardi fl-aħħar sekonda. Mtarfa kkonfermaw il-progress li għamlu matul l-istaġun fejn minbarra li kisbu riżultati posittivi kellhom ukoll wirjiet sodisfaċenti ħafna bħal din. Il-partita sa’ mill-ewwel ħinijiet dehret li se tkun kumbattuta tant li ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u fl-ewwel ħames minuti Mtarfa kellhom vantaġġ ta’ basket 8-6. Mtarfa għamlu run ta’ 8-2 bil-punti kollha jaslu minn Samuel Zammit wara li aktar qabel kien ħuh Timothy li kisbe diversi punti. Għal Phoenix kien hemm il-baskets ta’ Jonathan Ransley u Goran Mitrovic però Mtarfa temmew is-sessjoni 5 minn fuq 18-13. Phoenix fetħu aħjar fit-tieni sessjoni meta kellhom aktar punti minn Ransley fi break ta’ 7-2 u ġabu l-iskor indaqs 20-20. Mtarfa wieġbu bi trippla ta’ Nicholas Grech u basket ta’ Darrel Schembri biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Is-sessjoni baqgħet movimentata u fl-aħħar żewġ minuti kien hemm diversi baskets fuq iż-żewġ naħat kif ukoll trippla ta’ Kurt Xuereb għal Mtarfa. Phoenix kellhom il-punti ta’ Andres Toompere u Christian Briffa u fl-intervall kellna partita 32-32.

Fit-tielet taqsima Mtarfa marru fuq quddiem bi trippla ta’ S. Zammit u baskets minn Daniel Farrugia u Schembri. Phoenix komplew jiġru warajhom però fallew ukoll diversi free-throws biex Mtarfa setgħu jżommu l-vantaġġ. Fl-aħħar minuta, Phoenix irkupraw u għamlu ħames punti biex naqqsu d-distakk għal punt biex l-aħħar taqsima bdiet b’Mtarfa fuq quddiem 48-47.Baskets ta’ Azzopardi u Mitrovic poġġew lil Phoenix fuq quddiem però Mtarfa kellhom il-punti tal-aħwa Zammit. Fil-minuti ta’ wara iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin sakemm Phoenix irnexxielhom jagħmlu sitt punti mingħajr risposta biex marru 65-60 minn fuq.  Mtarfa ma ċedewx u fl-aħħar sekondi reġgħu marru minn fuq wara trippla minn Kurt Xuereb 66-65. Iżda fil-ftit sekondi li kien fadal sar foul fuq Luke Azzopardi ta’ Phoenix li bil-kalma kollha għamilhom it-tnejn biex Phoenix rebħu l-partita 67-66.

Phoenix The Chef Bistro: M. Grech, L. Azzopardi 9, D. Pisani, R. Jimenez, R. Curmi 6, C. Camenzuli 3, G. Mitrovic 23, C. Briffa 4, A. Costa, J. Ransley 15, A. Toompere 7.

Miscela D’oro Mtarfa: J. Attard, A. Psaila, K. Xuereb 11, C. Calleja, M. Borg 5, N. Grech 3, D. Farrugia 5, T. Zammit 12, S. Zammit 24, J. Viibe, R. Zammit, D. Schembri 6.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Hibs 70

SN Suns 79

(18-16)(9-14)(16-16)(16-13)(11-20) 

St. Nicholas Suns għamlu pass enormi lejn ir-rebħ tal-ewwel kampjonat tagħhom fit-tieni diviżjoni meta fil-konfront dirett għelbu lil Hibs 79-70 wara l-ħin barrani. Jekk Suns jerbħu l-aħħar partita tagħhom kontra Mellieħa, allura jiġu dikjarati champions għal dan l-istaġun. Hibs minkejja d-diżappunt ta’ dan ir-riżultat xorta għandhom għax ikunu sodisfatti hekk kif fl-ewwel esperjenza tagħhom b’diversi players żgħażagħ waslu sat-tieni post tal-kampjonat. Hibs ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Jordan Scott bis-Suns jirrispondu b’punti minn Igor Marjanovic fosthom trippla u f’nofs is-sessjoni kienu 9-5 minn fuq. Hibs għamlu run ta’ 7-0 biex reġgħu ħadu l-vantaġġ u minkejja li Suns kellhom żewġ baskets minn Simon Cauchi u Robert Mercieca, Hibs kellhom żewġ trippli minn Adrian Baldacchino u Simon Attard. Qabel intemmet it-taqsima Cauchi għamel trippla għal Suns biex Hibs temmewha 18-16 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Hibs kellhom żewġ baskets minn Ryan Carabott però Suns wieġbu bil-punti ta’ Hubert Agius u trippla ta’ Michael Barberi biex ġabu l-iskor indaqs 24-24. Suns komplew bil-punti ta’ Marjanovic u Agius iżda Hibs kellhom trippla oħra ta’ Attard però kienu Suns li daħlu jistrieħu minn fuq 30-27 wara punti ta’ Marjanovic.

Fit-tielet perjodu iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-Hibs jibdew bil-punti ta’ Svens Niedritis. Hibs żiedu l-vantaġġ bit-tielet trippla ta’ Attard u basket ta’ Baldacchino. Suns irkupraw u għamlu break ta’ 11-1 bi trippli ta’ Cauchi u Adrian Pace flimkien mal-baskets ta’ Lee Grech però Niedritis għamel trippla għal Hibs u r-raba’ taqsima bdiet bis-Suns fuq quddiem 46-43. Suns baqgħu fuq quddiem sa’ nofs is-sessjoni 51-49 però Hibs għamlu run ta’ 10-1 u bdew l-aħħar minuta sitta minn fuq 58-52. Hawn Cauchi għamel trippla u freethrow biex Suns reġgħu daħlu fil-partita. Hibs kellhom erba’ freethrows però fallew tlieta u basket ta’ Marjanovic u free-throw ta’ Agius ġabu l-iskor indaqs 59-59. Fil-ħin barrani Suns bdew jinqatgħu mill-avversarji u trippla ta’ Barberi u basket ta’ Agius tawhom vantaġġ ta’ 8 punti 70-62. Hibs wieġbu bi trippli ta’ Simon Attard iżda dawn ma kienux biżżejjed u Suns aċċertaw ruħhom mir-rebħa wara free-throws ta’ Cauchi u Marjanovic biex rebħu l-partita 79-70.

Hibs: S. Niedritis 9, M. Formosa, A. Baldacchino 7, L. Farrugia 1, S. Attard 17, G. Agius 2, K. Caruana 7, C. Bugeja, K. Sultana, R. Carabott 8, J. Scott 19, R. Cortis.

SN Suns: A. Pace 3, S. Borg, L. Grech 5, H. Agius 12, M. Barberi 12, S. Vella, A. Bianchi 5, R. Mercieca 4, R. Camilleri, S. Cauch 17, I. Marjanovic 24.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti
St. Nicholas Suns

14

11

3

25

Hibs

14

10

4

24

Phoenix The Chef Bistro

15

9

6

24

Mellieħa Tritones

14

7

7

21

Miscela D’Oro Mtarfa

14

6

8

20

Lighting Mondays

15

0

15

15


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/st-nicholas-suns-bpass-enormi-lejn-ir-rebh-tal-kampjonat/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.