Sri Chinmoy Oneness-Home Peace Run iżżur l-iskejjel Maltin

Sunday, January 31, 2016, 14:14

Sri Chinmoy Oneness-Home Peace Run iżżur l-iskejjel Maltin

Grupp t’atleti minn partijiet diversi tad-dinja jinsabu f’pajjiżna biex jippromwovu l-paċi, f’dik li tissejjah is-Sri Chinmoy Oneness-Home Peace Run.

Iż-żjarat fl-iskejjel huma mifruxa fuq tliet ijiem. Illum laqa’ lil dawn l-atleti s-Segretarju għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius flimkien mal-istudenti tal-Iskola Medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita. Is-Segretarju Parlamentari, waqt l-indirizz tiegħu, qal li Malta għandha sservi ta’ eżempju għall-pajjiżi oħra, mhux biss fl-ambitu tal-paċi, imma anki tal-ospitalità li l-Maltin joffru. Huwa rringrazzja lill-għalliema u lill-istaff tal-iskola lijoffru lill-istudenti għodda u ambjent sabiex l-istudenti jgħixu fil-paċi u jippreparawhom biex itejbu l-ħajja tagħhom.

L-għan prinċipali ta’ dawn iż-żjarat li qed isiru f’aktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja huwa li jinxtered messaġġ favur il-paċi u t-tolleranza, b’rispett sħiħ lejn id-diversità. L-organizzaturi jagħmlu enfasi qawwija fuq il-fatt li, minkejja d-differenzi tagħna, inkluż dawk reliġjużi, il-bnedmin xorta waħda jistgħu jgħixu f’armonija flimkien f’soċjetà aktar magħquda.

L-attività ta’ dalgħodu kompliet fl-Iskola Medja ta’ Ħal-Tarxien tal-Kulleġġ San Tumas More, l-Iskejjel Primarji ta’ Ħal-Għaxaq fi ħdan il-Kulleġġ San Benedettu, dik ta’ Ħal-Luqa fi ħdan il-Kulleġġ Sant’ Injazju, u spiċċat fl-Iskejjel Primarji ta’ Raħal Ġdid tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca.

It-Tlieta filgħodu, l-atleti ta’ Sri Chinmoy Oneness-Home Peace Run ħa jżuru l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, l-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard, u l-Iskola Medja tan-Naxxar tal-Kulleġġ San Nikola, l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann tal-Kulleġġ Santa Klara, u tispiċċa fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.

Fl-aħħar stadju, l-Erbgħa filgħodu, l-atetli jerħulha lejn il-gżira Għawdxija fejn iżuru l-Kulleġġ ta’ Għawdex, fosthom l-iskejjel primarji tan-Nadur, Għajnsielem u x-Xewkija, u l-Iskola Sekondarja tar-Rabat. L-attività tiġi fi tmiema bi programm qasir f’Wied il-Lunzjata f’Ta’ Kerċem.





Leave a comment