- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Sports Fest f’Għawdex

Posted By Sportinmalta On October 21, 2013 @ 9:59 am In Featured | No Comments

Is-Segretarju  Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Dr Stefan Buontempo flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Dr Anton Refalo, attendew għal Festival Sportiv li sar fil-Gozo Stadium. Dan il-festival sar fl-okkażjoni tal-Move Week, ġimgħa ta’ eżerċizzji fiżiċi madwar il-pajjiż fejn ’il fuq minn 100 tifel u tifla ħadu sehem f’dixxiplini sportivi differenti. Fost id-dixxiplini kien hemm il-futbol,rugby u anke softball. Għal din l-okkażjoni ngħaqdu l-14-il klabb tal-futbol t’Għawdex flimkien ma’ timijiet oħra sportivi.

 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo enfasizza l-bżonn tal-eżercizzju fiżiku għal ġid ta’ saħħitna u qal li din il-kampanja qed issir biex inqajmu kuxjenza dwar il-bżonn tal-attività fiżika. L-isport mhuwiex biss kompetizzjoni u għalhekk rridu nħarsu lejh bħala mezz ta’ ħajja aħjar. Huwa importanti li f’pajjiżna ndaħħlu kultura sportiva, u l-Gvern permezz ta’ din il-kampanja u miżuri oħrajn qed jaħdem biex is-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-isport.

 

Dr Buontempo rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’dan l-isport festival f’Għawdex, speċjalment lill-amministraturi ta’ dawn it-timijiet għax bid-dedikazzjoni tagħhom żgħażagħ qed jersqu lejn l-isport.

 

F’kelmtejn qosra l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo faħħar din l-inizjattiva li ħa s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport u qal li attivitajiet bħal dawn se jkomplu jsibu l-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/sports-fest-fghawdex/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.