SportMalta u l-BOV jniedu l-‘Youth Development Scheme’ 2018

Friday, September 14, 2018, 11:05

It-tieni edizzjoni tal-‘Youth Development Scheme’ minn SportMalta f’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta tnediet waqt konferenza stampa li saret fil-Head Office tal-BOV f’Santa Venera.

L-Għan tal-‘Youth Development Scheme’ hi biex tgħin atleti individwali taħt it-18-il sena fid-dixxiplini sportivi kollha biex ikomplu l-karriera sportiva tagħhom billi jipparteċipaw f’livell internazzjonali lil hinn mix-xtut tagħna.

L-avveniment kien indirizzat minn Anthony Scicluna, Uffiċjal Kap fil-Bank of Valletta, Dr Luciano Busuttil u Mark Cutajar, President u CEO ta’SportMalta rispettivament u Segretarju Parlamentari għall-Isport Dr Clifton Grima.

‘Il-Bank of Valletta huwa sinonimu mal-isports f’Malta, fejn jappoġġja l-organizzazzjonijiet prinċipali sportive fil-gżejjer tagħna’, qal is-Sur Scicluna. ‘Madankollu dejjem ħassejna li s-settur taż-żgħażagħ jeħtieġ aktar appoġġ, u l-Youth Development Scheme tiftħilna opportunitàjiet biex ngħinu lill dawn l-atleti żgħażagħ li huma l-futur sportiv ta’ pajjiżna’.

‘L-Iskema hija opportunità għall-atleti żgħażagħ Maltin biex jiksbu esperjenza f’kompetizzjonijiet internazzjonali u sservi ta investiment fil-ġejjieni sportiv ta’ pajjiżna”, qal Dr Busuttil. “Dan l-investiment fis-settur taż-żgħar jgħinhom jieħdu l-pass li jmiss u jiksbu l-esperjenza meħtieġa fil-kompetizzjonijiet internazzjonali.’

‘Il-piż finanzjarju assoċjat mal-kompetizzjoni internazzjonali huwa ferm diffiċli li jiġi sostnut mill-atleti nfushom,’ kompla Dr Busuttil. ‘Il-kollaborazzjoni bejn SportMalta u l-Bank of Valletta se tiżgura li l-atleti b’potenzjal tajjeb jingħataw l-esperjenza ta’ taħriġ u kompetizzjoni barra mill-pajjiż, passi meħtieġa fil-karriera sportiva tagħhom.”

‘L-iskema, sħubija 50-50 bejn SportMalta u l-BOV se tgħin għoxrin atleti, magħżula skont il-kapaċitàjiet personali u l-prestazzjonijiet tagħhom fl-Isport tagħhom’, qal is-Sur Cutajar. ‘L-ispejjeż tat-titjiriet, il-parteċipazzjoni fl-avvenimenti u l-akkomodazzjoni kollha huma koperti minn din l-iskema.’

‘L-Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Isport tad-dixxiplini partikolari għandhom jiġu mitluba minn SportMalta għal rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-prestazzjoni u l-potenzjal tal-atleta, sabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Sportivi Nazzjonali jiġu kkunsidrati’ kkonkluda is-Sur Cutajar.

“Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-SportMalta u l-Bank of Valletta għall-investiment fil-futur tal-atleti tagħna bi skema li tgħinna fil-preparazzjoni ta’ l-akbar numru ta’ atleti possibli għall-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar ta’ l-Ewropa 2023 li se jinżammu f’Malta’, qal l-Onor Dr Clifton Grima. ‘Din it-tieni edizzjoni tal-iskema se tkompli tibni n-numri u l-livell tal-atleti promettenti tagħna fi sforz biex tikseb numru kbir ta’ midalji f’dawn il-logħob.

Aktar informazzjoni dwar l-iskema tista ‘tkun aċċessata permezz tal-websajt ta’ SportMalta www.sportmalta.org.mt





Leave a comment