Sport nadif u ħieles minn kull abbuż

Saturday, October 26, 2013, 20:02

Il-Gvern huwa kommess li l-isport Malti jkun nadif, ħieles minn kull abbuż. L- isport għandu verament ikun dak li jippromwovi l-valuri ta’ fair play, il-valuri tal-kompetizzjoni. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, waqt li kien qed jindirizza t-tieni konferenza ta’ kontra d-doping.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Gvern kien ċar mill-bidu nett li l-isport se jkun priorità għal dan il-Gvern. Dr Buontempo kompla jgħid li s-sbuħija tal-isport toħroġ meta riżultati tajbin jinkisbu permezz tal-isforz tal-atleta u t-tim tiegħu.
Huwa semma r-riżultati allarmanti ta’ 6% ta’ każi li kienu pożittivi fit-testijiet li saru fejn ukoll ittieħdu passi dixxiplinari. Dawn il-każijiet kienu minn dixxiplini varji, li jindika li d-doping huwa mifrux mal-isport kollu.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo sellem lil dawk l-atleti, li huma fil-maġġoranza tagħhom, li jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom, li jemmnu li bl-abiltajiet tagħhom biss jistgħu jiksbu suċċess fl-isport. Dawn huma role models li l-isportivi għandhom mhux biss jinkoraġixxu imma wkoll li jippromwovu.
Dr Buontempo appella lill-għaqdiet sportivi u lill-atleti biex iħarsu lejn din il-kummissjoni bħala partner tagħhom fl-isport, biex l-isport jinżamm nadif għall-ġid tal-komunità.
F’din il-konferenza tkellmet ukoll Dr Lucienne Attard, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Kontra d-Doping fejn spjegat ix-xogħol tal-kummissjoni f’dan il-qasam delikat.
Din il-konferenza ġiet organizzata permezz ta’ fondi tal-UNESCO flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport.





Leave a comment