Spettaklu sportiv sponsorjat minn Kellogg’s jagħlaq il-programm tax-xitwa – #OnTheMove

Tuesday, May 30, 2017, 16:36

Il-programm tax-xitwa – #OnTheMove, organizzat minn SportMalta u bl-appoġġ kontinwu ta’ Kellogg’s, ikkonkluda l-programm għas-sena 2016-2017 b’manifestazzjoni sportiva ta’ tmiem is-sena. Din l-attivita’ annwali saret fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn il-parteċipanti taw wirja sportiva mimlija enerġija u kuluri quddiem il-ġenituri u qraba tagħhom.

L-attività, li tmexxiet mill-personalità popolari Joe Tanti, inkludiet għadd ta’ tournaments żgħar fosthom dawk tal-futbol, atletika u basketball. Il-parteċipanti tal-BMX kienu wkoll preżenti fejn taw wirja tal-ħiliet tagħhom fuq ċirkwit tal-BMX. L-adulti wkoll kellhom sehem attiv, fejn wettqu għadd ta’ eżerċizzji fiżiċi li jsiru waqt il-klassijiet tal-fitness tal-programm #OnTheMove.

L-Onor Chris Agius, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports irringrazzja lill-kowċis għad-dedikazzjoni tagħhom. Hu esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-ġenituri li jemmnu fl-impenn ta’ SportMalta fl-għoti tal-aqwa programm sportiv billi sena wara l-oħra baqgħu jirreġistraw lit-tfal tagħhom fiż-żewġ programmi, tax-xitwa u dak tas-sajf. Hu qal li SportMalta se tkompli bil-ħidma biex ittejjeb is-servizz tagħha għall-benefiċċju tal-komunità Maltija.

Matul l-indirizz tiegħu, iċ-Chairman ta’ SportMalta l-Onor Dr Luciano Busuttil qal li l-programm ta’ #OnTheMove ta’ din is-sena ra żieda fin-numru ta’ parteċipanti kif ukoll żieda sinifikanti fin-numru ta’ attivitajiet sportivi offruti b’iktar minn 50 dixxiplina sportiva. Hu rringrazzja lil Kellogg’s għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul dawn l-aħħar 17-il sena.

Waqt li kien qed jindirizza lill-parteċipanti u l-udjenza, is-sur Simon Pace, is-Sales Manager ta’ Charles Darmanin & Co Ltd, distributuri ta’ Kellogg’s f’Malta, qal “Għal dawn l-aħħar 17-il sena, Kellogg’s sponsorjat il-programm tax-xitwa ta’ SportsMalta, magħruf qabel bħala Skolasport. Il-programm tax-xitwa – #OnTheMove toffri għadd ta’ dixxiplini sportivi differenti, fejn it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu ħiliet, tattiċi u r-regoli tal-isports favorit tagħhom. Nemmnu fil-kontribuzzjoni important li SportMalta qed tagħmel biex tiżviluppa t-talenti sportivi fost it-tfal Maltin.”

Fl-aħħar tal-wirja sportiva, is-sur Pace ppreżenta l-isponsorship ta’ Kellogg’s liċ-Chairman ta’ SportMalta Dr Luciano Busuttil.

Ritratti 1-3: Il-parteċipanti ta’ #OnTheMove fil-manifestazzjoni sportiva fil-Marsa Sports Complex, sponsorjata minn Kellogg’s

Photocaption 4: Simon Pace jippreżenta l-isponsorship ta’ Kellogg’s lill-Onor Dr Luciano Busuttil





Leave a comment