- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Special Olympics Malta Jintaqghu Mas-Segretarju Parlamentari Hon. Chris Agius

Posted By Sportinmalta On September 10, 2014 @ 8:00 am In Featured,Special Olympics Malta | No Comments

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius laqa’ fl-uffiċċju tiegħu parti mill-kontingent ta’ Special Olympics Malta li l-ġimgħa ddieħla ser ikun qiegħed iħalli pajjiżna sabiex jieħu sehem fil-logħob tas-Sajf ta’ Special Olympics Europe.

 

F’dawn il-logħob, li ser isiru f’Antwerp il-Belġju, ser jieħdu sehem 2,000 atleta minn 58 pajjiż li ġejjin mill-Ewropa u l-Ewrażja. Malta ser tkun irrapreżentata minn 32 atleta li ser jieħdu sehem fid-dixxiplini diversi. Madanakollu l-kontinġent kollu kważi jilħaq total ta’ 50 persuna.

 

Id-direttur ġenerali ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja u d-direttur tal-isports Elaine Bonnici, li t-tnejn rringrazzjaw lill-awtoritajiet Maltin li għenu mill-aħjar mod possibli, akkumpanjaw lill-atleti waqt iż-żjara.

 

Is-Segretarju Parlamentari, waqt li kien qiegħed jindirizza lill-atleti u l-familjari tagħhom, awgura li l-atleti kollha jibbenefikaw minn din l-esperjenza u saħaq li Malta ser tkun warajhom f’dan l-avveniment Ewropew. Huwa aċċenna għall-fatt li bħall-assoċjazzjonijiet oħra Special Olympics Malta tiltaqa’ ma problemi finanzjarji anke biex tieħu sehem f’kompetizzjoni ta’ dan il-livell, kien għalhekk li ppreżenta wkoll għotja ta’ assistenza lil Anna Calleja, fil-preżenza ta’ Dr Luciano Busuttil u Mark Cutajar, ċermen u rappreżentant tal-Kunsill Malti għall-Isport rispettivament.

 

Iċ-Ċerimonja tal-ftuħ ta’ Special Olympics Europe Summer Games ser tkun nhar is-Sibt 13 ta’ Settembru filwaqt li l-logħob jibqa’ sejjer sal-20 ta’ Settembru.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/special-olympics-malta-jintaqghu-mas-segretarju-parlamentari-hon-chris-agius/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.