Sodisfazzjon għaċ-ċiklist Jason Vella f’Ċipru

Wednesday, March 20, 2019, 11:08

Tliet snin wara li waqaf jikkompeti fiċ-ċikliżmu kompetittiv, Jason Vella (Agones SFC) għamel ritorn fix-xena internazzjonali, meta ħa sehem fis-Sunshine Cup ġewwa Ċipru, meqjusa bħala waħda mill-aktar kompetiżżjonijiet prestiġjużi tal-mountain biking fid-dinja u li hija inkluża fis-Serje tal-Mountain Bike fil-Kalendarju UCI (Union Cycliste Internationale).

L-avveniment, li kien maqsum fuq tliet stadji, ra lil Vella jikkompeti fil-Kategorija tal-Masters 2 Men. It-tellieqa kollha kienet tkopri distanza ta’126km mqassma fuq tliet ijiem, bl-ogħla elevazzjoni ta’ 1916m tkun koperta fl-aħħar ġurnata.

Vella ma kellux bidu tajjeb fl-ewwel tellieqa meta sofra diversi problemi mekkaniċi u ħabta. Fortunatament, minkejja li kien inċident kien ta’veloċità għolja, Vella sofra biss xi tbenġil. B’żewġ ġranet oħra ta’ kompetizzjoni quddiemu, Vella kellu jagħti kollox fuq ir-rotot ċatti, kif ukoll b’tlajja iebsin biex ipatti għall-ħin mitluf fil-parti teknika tat-tellieqa. Id-determinazzjoni ta’ Vella pproduċiet riżultat tajjeb hekk kif kiseb it-tieni post fil-kategorija tiegħu fit-tieni u t-tielet stadju.

Vella kellu kompetizzjoni iebsa ma’ ċiklisti Ċiprijotti, Rumeni, Olandiżi u Litwani

“Billi kont wieqaf mill-kompetizzjoni għal numru ta’ snin, irrid nammetti li tlift ħafna ħin prezzjuż. Peress li kont qed nonqos mill-esperjenza għażilt il-Kategorija tal-Masters aktar milli l-Elite peress li ma ħassejtnix lest biex nikkompeti ma’ wħud mill-aqwa atleti tad-dinja. Din kienet esperjenza kbira b’mod ġenerali u żgur li se tgħini nkun aktar kompetittiv fit-tlielaq lokali. Irrid nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja liċ-ċiklisti veterani tal-mountain bike Maltin, talli appoġġjaw ir-ritorn tiegħi għat-tlielaq għalkemm qed nikkompeti kontrihom. Grazzi kbira tmur għall-kowċ Bruno Mahsoudi talli għen fil-preparazzjoni tiegħi” stqarr Vella wara t-tellieqa.

Vella ilu jikkompeti regolarment fuq iċ-ċirkwit tal-mountain bike fil-kategorija Cross Country organizzata mill-Malta Mountain Bike Association. Għalkemm s’issa kiseb ir-raba post, b’hekk ma nrexxilux jieħu podju lokali. Vella qed jirreġistra prestazzjonijiet imtejba kontinwament.

 





Leave a comment