SkolaSport Sajf f’Għawdex

Monday, August 3, 2015, 23:19

Gavin Muscat

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo dalgħodu żar il-Gozo Sports Complex, fejn bħalissa għaddejja SkolaSport Sajf.

Għal din l-iskola kienu eliġibbli tfal minn 5 snin sa 12-il sena u applikaw għaliha 75 tifel u tifla, li se jqattgħu sajf jitħarrġu f’diversi dixxiplini sportivi, attivitajiet ta’ għawm, waterpolo, ġinnastika, tixbit u logħob ta’ attività fiżika. Barra minn hekk ġew introdotti wkoll klassijiet tad-drama, tal-arti, tat-tisjir u tal-crafts.

It-tfal se jkollhom tliet nofstanhari fil-ġimgħa għal tliet xhur sħaħ li fihom ser jibqgħu attivi u fl-istess ħin jitħarrġu minn età żgħira fl-aġilità, fil-bilanċ u l-koordinazzjoni ta’ ġisimhom. It-tfal se jilagħbu u jitgħallmu filwaqt li jżommu ruħhom attivi. Għandhom wkoll l-opportunità sabiex jiżviluppaw it-talenti tagħhom f’diversi esperjenzi sportivi u oltre.

Diversi coaches b’esperjenza f’dixxiplini sportivi, u għalliema tal-crafts, arti u drama, se jkunu qed jieħdu ħsieb lit-tfal b’attenzjoni fuq kull wieħed u waħda minnhom.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo stqarr li l-ħolma tiegħu bħala ministru hi li jara lil dawn it-tfal jagħrfu l-potenzjal tagħhom u jingħaqdu f’dixxiplini sportivi matul is-sena kollha. Għawdex huwa mimli assoċjazzjonijiet sportivi taħt il-kappa tal-Gozo Sports Board li jgħin sabiex ikun hawn soċjetà sportiva u b’saħħitha minn età żgħira. Il-Ministru Refalo tenna kemm huwa importanti li t-tfal Għawdxin ikunu attivi sew fix-xitwa kif ukoll fis-sajf.

Din is-sena l-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Gozo Sports Board introduċa l-iskema ta’ SkolaSport Sajf li bdiet nhar il-15 ta’ Lulju u tintemm fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.

Il-Gozo Sports Board ħareġ b’din l-idea biex ikompli fil-pjani tiegħu jħajjar u jintroduċi lit-tfal Għawdxin f’dixxiplini sportivi. Dan wara li bħalissa ġew introdotti wkoll skejjel tat-tfal għall- badminton, ġinnastika u basketball u qed jaħdem biex tinfetaħ skola tal-volleyball.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board, Alvin Grech qal li dan kien kollu possibbli grazzi għad-direttorat fil-Ministeru taħt Joyce Farrugia, is-Segretarju Permanenti John Borg, lil Mark Cutajar f’isem il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li taw l-għajnuna mitluba minnhom. Semma’ wkoll l-għajnuna li sab mill-klabb Ta’ Kerċem, tal-Otters u l-Gozo Sports Complex għall-użu tal-faċilitajiet.





Leave a comment