Skola tal-Isport f’Settembru li ġej

Monday, January 30, 2012, 14:31
Matul din is-sena l-Gvern se  jkompli jżid l-għajnuna lil għaqdiet sportivi nazzjonali tant li bejn l-għajnuna annwali u għajnuniet oħra l-Gvern din is-sena se jkun għadda lil dawn l-għaqdiet aktar minn tmien miljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn żewġ milju ewro u nofs fuq is-sena li għaddiet.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli ħabbar dan waqt l-attivita` annwali għall-għaqdiet sportivi nazzjonali li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Numru kbir ta’ uffiċjali tal-għaqdiet nazzjonali kif ukoll sportivi attendew għal din l-attivita` li matulha s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qassam l-għajnuna tal-Gvern lil numru ta’  assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi.
ClydePuli ta’ ħarsa lejn dak li twettaq mill-Kunsill Malti għall-Isport matul is-sena li għaddiet kif ukoll lejn il-pjan ta’ ħidma għal matul din is-sena. Hu qal li s-sena li għaddiet kienet sena tajba ħafna għall-isport u nkisbu ħafna riżultati tajbin.
Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li l-Gvern qed iżid l-investiment fl-isport għax irid ixettel il-kultura sportiva f’pajjiżna. L-isport jgħin fil-formazzjoni tal-karattru tat-tfal u taż-żgħażagħ u jgħin ukoll l-ekonomija tal-pajjiż.
Hu qal li llum il-Kunsill Malti għall-Isport għandu 344 entita` sportiva reġistrata li lkoll jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Gvern.
Clyde Puli qal li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-isport hi mfassla fuq sitt pilastri.
Dawn huma t-tisħiħ tal-Kunsill Malti għall-Isport; aktar programmi sportivi indirizzati għal kulħadd; it-tishih tal-atleti nazzjonali; aktar investiment fil-faċilitajiet sportivi; it-tisħiħ tal-għaqdiet sportivi permezz ta’ skemi u inċentivi u t-tisħiħ fir-relazzjoni bejn l-isport u l-attivita` ekonomika ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli ħabbar li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport se tiftaħ f’Settembru li ġej u se tkun ibbażata f’Hal Kirkop fejn diġa’ hemm l-iskejjel u l-Kumpless Sportiv. L-iskola se tipprovdi t-tagħlim akkademiku normali b’enfasi akbar fuq it-taħriġ sportiv.




Leave a comment