- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Sitt Ewro – Il-Prezz il-ġdid għall-Premier

Posted By Sportinmalta On September 9, 2010 @ 8:45 pm In Featured,Football | 11 Comments

minn Caroline Attard.

L-MFA niediet inizjattiva għall-prezzijiet ġodda fid-dħul għall-partiti tal-kampjonat domestiku. Il-prezz tad-dħul li sa l-istaġun l-iehor kien ta’ 8 Euro għall-adulti u 4 Euro għan-nisa u tfal se jsir ta’ 6 Euro għal kulħadd, inizjattiva li se tiġi attwata minn dan il-weekend stess.

Antoine Portelli jindirizza l-media l-Ħamis

Antoine Portelli jindirizza l-media l-Ħamis

Dan tħabbar mit-Teżorier il-ġdid tal-Malta Football Association Antoine Portelli f’konferenza stampa li saret il-Hamis wara nofs in-nhar fis-Centinary Hall f’Ta Qali. F’din il-konferenza stampa ġie mħabbar ukoll li mhux se jinħargu season tickets iżda ma eskludiex il-possibilta’ li ssir inizjattiva bi prezzijiet speċjali għat-tieni fażi tal-kampjonat jiġifieri fl-istadju taċ-Championship u r-Relegation Pool.

Din id-deċizjoni ttiehdet wara laqgħa li saret mal-klabbs tal-Premier fejn qablu unimament li jitbiddel il-prezz. L-MFA ħabbret ukoll li minn din is-sena il-qligħ mill-Gate Money se jmur kollhu għall-klabbs u l-MFA mhux se żżomm l-40% li kienet iżomm fis-snin l-imgħoddija wara li jinqatgħu l-ispejjeż.

Qal ukoll li Gate Money fis-snin l-imgħoddija kien jingħata lill-klabbs kull tlett jew erba’ xhur iżda b’efett immedjat, l-MFA qed tikkometti ruħha li dak li hu dovut lil klabbs ser jibda jigi mhallas kull xahar. Ġie mgħaruf ukoll li se jingħataw biljetti ta’ akkreditazzjoni speċjali lill-coaches kollha attivi li għandhom  il-liċenzja UEFA A u B biex ikollhom aċċess għall-Istadia kollha.

Portelli ħabbar li s-sistema tal-10 passes li l-MFA kienet tagħti lill-istewards ġiet temporarjament sospiża u se jibdew jingħataw 5 passes lill-helpers tal-armar u 5 passes oħra lis-supporters’ clubs fl-eventwalita’ li tinġieb il-banda.

Tkellem ukoll Mark Attard, Media Officer tal-kampjonat domestiku fejn ħabbar li se tibda tiġi organizzata konferenza stampa wara l-lobgha tal-ġimgħa u teżiti wkoll il-possibilita’ li tiġi organizzata konferenza kull ġimgha bħala previzjoni għall-partita tal-ġimgħa

Mistoqsi dwar kif jaħseb illi se jkun ir-rispons tas-supporters u l-pubbliku ġenerali dwar ir-riforma fis-sistema tal-biljetti, Antoine Portelli rrisponda li kollox jiddependi mill-mod ta kif l-aħbar se tiġi irrapurtata fil-Media. Hu żied jgħid li jinsab perswaz li l-pubbliku qed jifhem u japprezza din l-inizjattiva tal-MFA li traħħas il-biljetti tal-adulti b’żewġ euro u tħalli l-prezz tan-nisa u tfal daqs dak tal-irġiel.

Hu spjega li skond l-istatistika miġbura mid-dipartment tal-finanzi f’dawn l-aħħar snin, jirriżulta li kieku din is-sistema l-ġdida ġiet introdotta qabel, il-klabbs kienu jdaħħlu aktar mill-Gate Money. Finalment hu spjega li l-għan prinċipali ta’ din l-inizjattiva kien sabiex jakkomoda lill-Klabbs peress li l-MFA hi konxja bil-problema finanzjarja li qed jaffaċjaw l-istess klabbs u trid tgħin sabiex  jizdied il-cash flow għalihom.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/sitt-ewro-il-prezz-il-gdid-ghall-premier/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.