- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Sit ġdid għall-Vikings Sailing Club

Posted By Sportinmalta On May 19, 2016 @ 5:53 pm In Featured,Other,Sailing | No Comments

Gavin Muscat

Il-Vikings Sailing Club issa reġa’ għandu sit minn fejn jista’ jibqa’ jopera, hekk kif ftit tax-xhur ilu kellu jiżgombra l-faċilitá tiegħu f’Xatt it-Tiben sabiex iħalli spazju għall-proġett tal-FAM iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
“Il-Gvern ra kif ta lura dak li ħa lill-club tal-Vikings. Il-Gvern fehem l-uġigħ li għadda minnu dan il-club meta l-bini tiegħu ttieħed, ra x’għamel biex instabet alternattiva sakemm beda x-xogħol fuq is-sit il-ġdid u kien ta’ spalla fil-mument tal-bżonn”. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn semma’ li l-Gvern japprezza l-ħidma li qed jagħmel club bħall-Vikings kemm fl-isport tal-ibburdjar imma aktar u aktar ma’ tfal u żgħażagħ li jipparteċipaw f’sessjonijiet diversi li jorganizza l-club.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li ma kinitx ħaġa faċli li jinstab sit alternattiv li joffri faċilitajiet simili ta’ dak li diġà kellu l-club speċjalment għaliex fost l-oħrajn is-sit ried ikun qrib il-baħar minn fejn jistgħu jkunu varati d-dgħajjes. Madanakollu dawn l-ostakli issa huma megħluba u bis-saħħa tal-għotja finanzjarja ta’ Yachting Malta, flimkien mal-impenn tal-voluntiera li jimmilitaw fil-club tal-Vikings, dawn tal-aħħar se jerġa’ jkollhom sit denju għalihom. Huwa fakkar li l-Vikings Sailing Club se jkunu qed joffru sessjonijiet waqt il-programm Summer on the Move organizzat minn SportMalta fis-sajf li ġej, liema applikazzjonijiet issa huma miftuħa

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ukoll indirizzata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Wilfrid Buttiġieġ li spjega li Yachting Malta kienet strumentali biex tassigura li l-Vikings Sailing Club ikompli bl-operat tiegħu u għen finanzjarjament sabiex jinbeda x-xogħol ta’ ristrutturar fuq is-sit il-ġdid.

Huwa kompla jispjega li meta nħolqot Yachting Malta l-għan kien li iġġib ’il quddiem u tippromwovi l-isport tal-ibburdjar, b’enfasi fuq iż-żgħażagħ. Din tinkludi l-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-regoli tat-tbaħħir, tat-tlielaq u tas-sigurtà fuq il-baħar. Bl-intervent ta’ Yachting Malta u l-kollaborazzjoni tar-Royal Malta Yacht Club, Vikings Sailing Club setgħu wkoll joħorġu d-dgħajjes tagħhom mill-imħażen u b’hekk setgħu jkomplu joffru l-lezzjonijiet tal-ibburdjar waqt #OnTheMove Skolasport fuq Laser 16 u Topper anke fix-xhur tax-xitwa, hekk kif id-dgħajjes bdew ikunu varati mir-Royal Malta Yacht Club. Dan kien eżempju eċċellenti ta’ rieda tajba u kollaborazzjoni bejn iż-żewġ clubs.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/sit-gdid-ghall-vikings-sailing-club/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.