Sirens jagħtu għaxra lil Sannat

Sunday, September 8, 2013, 10:08

Minn Robert Busuttil

 

Il-bieraħ kompla jintlagħab il-programm ta’ logħob validu mill-U BET FA Trophy u hekk kif ninsabu fil-fażi inizjali, spikkat ir-rebħa netta ta’ Sirens fuq Sannat bl-iskor ta’ 10-1 biex għaddew għat-tieni rawnd tal-kompetizzjoni. Magħhom ingħaqdu wkoll Swieqi, Xewkija, Ta’ Xbiex, SK Victoria Wanderers u Mġarr United.

Fil-Gozo Stadium, Xewkija Tigers għelbu lil Kalkara bl-iskor ta’ 4-0. L-Iskoċċiż eks Ħamrun Spartans Dene Shields skorja doppjetta bejn it-13 u 23 minuta. Gennaro Hili għamilhom tlieta minn penalti fit-52 minuta sabiex Luke Portelli lejn l-aħħar issiġġilla r-rebħa favur it-Tigers.

F’logħba oħra, Ta’ Xbiex għelbu lil Għajnsielem 4-1. Matthew Portelli poġġa lill-Għawdxin fil-vantaġġ minn penalti skorjat fil-21 minuta, iżda Ta’ Xbiex dawru r-riżultat favur tagħhom permezz ta’ tripletta ta’ Riccardo Napoli (55, 66, 90 min) u Claude Spiteri fis-86 minuta.

Fis-Sirens Stadium, it-tim minn San Pawl il-Baħar irreġistra rebħa kbira ta’ 10-1 kontra t-tim Għawdxi ta’  Sannat Lions. Għat-tim rebbieħ, din kienet is-seba’ mitt logħba kompettitiva fl-istorja tagħhom.

Fit-tieni logħba, Swieqi United għelbu lil Qrendi 3-2. Doppjetta ta’ Abner dos Santos (61, 89 min) u gowl ieħor ta’ Tundzhay Kurtulush taw ir-rebħa lil Swieqi, bi Qrendi jirrispondu permezz ta’ Terence Cachia fis-60 minuta u Stefi Cale fis-67 minuta.

Fl-Istejdjum Ċentinarju, SK Victoria Wandereres kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Xgħajra Tornadoes. Kien Fernando Giarrizzo li fetaħ l-iskor għar-Rabtin fl-44 minuta sabiex Eric Chidi Nwanko rdoppja fid-69 minuta.

Fl-aħħarnett Mġarr United għelbu lil Attard 2-0, b’John Muscat u Albert Aquilina jiskorjaw fit-33 u 44 minuta rispettivament.





Leave a comment