Siġġiewi jieħdu l-ewwel rebħa fil-kampjonat

Monday, December 3, 2018, 17:46

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Siġġiewi 73

Victoria Libertas 52

(24-15)(20-10)(13-19)(16-8)

Siġġiewi kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Victoria Libertas 73-52 biex ħallew lill-istess avversarji mingħajr rebħa wara tlett partiti. Siġġiewi kellhom lura lil Darryl Pisani u Davide Bellinzona u Libertas kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Libertas kellhom bidu tajjeb biex marru fuq quddiem 9-4 pero Siġġiewi kellhom it-three pointers ta’ Alex Novakovic li f’kull partita juri l-qawwa tiegħhu u ma tkunx sorpriża li fil-futur narawh jimmilita ankè fl-ewwel diviżjoni. Siġġiewi kellhom run ta’ 17-4 fejn minbarra Novakovic kellhom ukoll il-punti minn Milan Nedic u Hubert Agius għal skor ta’ 24-15. Fit-tieni taqsima, kien hemm basket fuq kull naħa qabel ma Novakovic għamel 8 punti mingħajr risposta. Libertas wieġbu permezz ta’ Emanuel Lupo u trippla ta’ Enrico Lanzi fost l-oħrajn però Siġġiewi għamlu 8 punti oħra qabel l-intervall għal skor ta’ 44-25.

Wara l-mistrieħ il-partita kienet aktar bilanċjata hekk kif Libertas resqu aktar viċin bil-punti ta’ Lupo u Robert Loporto. Daryyl Pisai u Nedic  irrispondew għal Siġġiewi qabel ma Daniele Miani għamel trippla għal Libertas li għalqu t-taqsima b’run ta’ 8-0 għal skor ta’ 57-44. Fl-aħħar perjodu, Siġġiewi reġgħu bdew tajjeb u għalqu l-partita meta kellhom run ta’ 14-0 maqsuma bejn Pisani, Agius u Novakovic b’dan tal-aħħar ikollhu three pointer. Qabel intemmet il-partita, Libertas kellhom trippla minn Nicolo Petrucci biex Siġġiewi ħarġu rebbieħa 73-52.

Siġġiewi: A. Novakovic 37, M. Nedic 16

Victoria Libertas: E. Lupo 15, R. Mercieca 14

Starlites GIG 68

Gżira Athleta 90

(20-25)(19-19)(16-18)(13-28)

Gżira Athleta kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Starlites GIG 90-68. Athleta rkupraw lil Stefan Vincic però għadu nieqes Francesco Mifsud Bonnici u kien nieqes ukoll Robertas Kleiva. Starlites kienu mingħajr Clive Schembri u s-Serb Nedad Stojanovski. L-ewwel sessjoni kienet missielta ferm biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin u Starlites jieħdu vantaġġ ta’ 5 punti 17-12. Wara li Nathan Xuereb u Luca Stefanovic wieġbu għall-Athleta, Starlites kellhom trippla minn Miguel Falzon iżda punti konsekuttivi minn Xuereb raw lil Athleta jidħlu minn fuq 25-20. Fit-tieni sessjoni Starlites kellhom it-trippli minn Ian Felice Pace u Owen Psaila biex baqgħu viċin. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin b’baskets fuq kull naħa biex Athleta daħlu jistrieħu 44-39 minn fuq.

Wara l-intervall, l-andament tal-parita baqa’ l-istess biż-żewġ timijiet kontinwament iwieġbu lil xulxin. Għall-Athleta kien hemm il-punti minn Jonathan Ransley, Xuereb u Nicolo Guida fil-waqt li l-punteġġ ta’ Starlites kien aktar maqsum. Kien biss fl-aħħar taqsima li Athleta bdew jitbiegħdu mill-avversarji. Huma kellhom run ta’ 10-0 u minkejja li Starlites wieġbu bil-punti ta’ Mirco Azzopardi u Falzon, Athleta żiedu l-vantaġġ meta kellhom break ieħor din id-darba ta’ 14-4 bil-punti ta’ Matthew Gouder flimkien mal-punti ta’ Xuereb u Vincic. Starites kellhom trippla oħra minn Luca Riolo però l-partita kienet qorbot lejn it-tmiem u Athleta ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 90-68.

Starlites GIG: M. Scerri 14, M. Falzon 12

Gżira Athleta: N. Xuereb 26, L. Stefanovic 16, J, Ransley 15





Leave a comment