Siġġiewi jirbħu t-tieni unur tal-istaġun

Tuesday, October 9, 2012, 10:25

minn Colin Schembri

ST. JAMES HOSPITAL PRE-SEASON TOURNAMENT – IRĠIEL

Wara r-rebħ tas-Super Cup, kien imiss is-Saint James Hospital pre-season tournament fejn ħadu sehem it-teamijiet kollha li se jipparteċipaw fil-logħob ta’ l-irġiel. Wara li fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienu c-champions A to Z Electronics Athleta li rebħu l-unur, din id-darba huma spiċċaw fuq in-naħa telliefa meta kienu Siġġiewi li rebħu l-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Kienu diversi l-players li għamlu d-debutt tagħhom. Siġġiewi kellhom l-aħħar akkwist tagħhom Lee Ross flimkien ma’ l-Amerikan Daniel Olsen u Clayton Agius. Depiro ppreżentaw l-Amerikan il-ġdid tagħhom Shawn Morgan flimkien ma’ Etienne Bezzina. Floriana, ferm attivi fis-suq tat-trasferimenti kellhom diversi players ġodda. L-Amerikan huwa Philip Thomas u ddebuttaw ukoll il-Malti Awstraljan Bevan Scott Camilleri, David Camilleri, Dirk Schembri, Gabor Szokreny u Sassoun Saakian. Loyola wjoll għandhom plyers barranin ġodda, l-Amerikan Kenyale Evans u l-Ispanjol Jose Timor Sarrio. Il-coaches kollha tal-istaġun li għadda kienu kkonfermati.

 

Bħal ma ġara fil-kompetizzjoni tan-nisa, is-sitt timijiet kienu mqassma f’żewġ gruppi. Athleta, Depiro u Luxol fi grupp 1 u Floriana, Siġġiewi u Loyola fi grupp 2. Dawn huma r-riżultati tal-ewwel fażi:

 

A to Z Electronics Athleta 51 Pavi Depiro 45

Floriana Francesco Fenech 46 Siġġiewi 58

Pavi Depiro 74 Bupa Luxol 70

Siġġiewi 46 Tata Motors Loyola 29

Bupa Luxol 40 A to Z Electronics Athleta 58

Tata Motors Loyola 26 Floriana Francesco Fenech 58

 

Fis-semifinali, Athleta għelbu lil Floriana 63-54 fil-waqt li Siġġiewi għelbu lil Depiro 55-48. Luxol spiċċaw fil-ħames post wara li għelbu lil Loyola 58-48 fil-logħba għall-ħames u s-sitt post. Depiro ħadu t-tielet post wara rebħa fuq Floriana 59-67.

 

Il-Finali

 

Siġġiewi 59

A to Z Electronics Athleta 44

(13-10)(18-12)(11-16)(17-6)

 

Siġġiewi rritornaw għar-rebħ tal-unuri meta fil-finali tas-Saint James Hospital Pre-Season Cup għelbu lil Athleta 59-44. Iż-żewġ timijiet kienu bl-istess formazzjoni tal-partiti preċedenti għalkemm l-Amerikan Daniel Olsen ta’ Siġġiewi ma ħax sehem fil-partita b’injury. Addison Bonnici weġġa fis-semifinali kontra Floriana u għalkemm beda l-partita ma setax ikompli u għal ħin twil kien fuq il-bank. B’hekk irritorna wkoll Michael Naudi li f’din il-kompetizzjoni għamel id-debutt tiegħu wara li ma ħax sehem fil-finali tas-Super Cup. Fl-ewwel sessjoni Siġġiewi marru 11-4 minn fuq fl-ewwel seba’ minuti pero’ Athleta naqqsu d-distakk wara punti minn Marko Todorovic. Siġġiewi kabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni wara punti konsekuttivi minn Lee Ross u Chris Meier u fit-8 minuta kienu 27-18 minn fuq wara li Omar Said għamel trippla għal Athleta. Said kompla jnaqqas id-distakk qabel l-intervall pero’ Siġġiewi kienu għadhom 9 minn fuq 31-22.

Wara l-mistrieħ, ic-champions kellhom bidu agressiv u bdew jitħabtu biex inaqqsu d-distakk. Wara 4 punti ta’ Todorivic, Alan Borg għamel trippla għal Siġġiewi pero’ Athleta komplew jagħfsu u fit-tmien minuta rnexxielhom jippareġjaw il-partita 38-38. L-aħħar erba’ punti tal-perjodu waslu minn freethrows ta’ Ross u Meier biex Siġġiewi kienu 42-38 minn fuq. Ross fetaħ l-aħħar sessjoni b’erba’ punti konsekuttivi bl-Athleta jkomplu jirrispondu u fis-sitt minuta kienu għadhom viċin tal-avversarji 44-49. Hawn pero’ Siġġiewi għamlu run ta’ 10-0 mibdija bi trippli ta’ Peter Shoults u Ross biex rebħu l-partita 59-44.

Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA s-Sur Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil Emman Xuereb captain ta’ Siġġiewi.





Leave a comment