Siġġiewi Champions tat-tieni diviżjoni

Wednesday, February 15, 2012, 12:12

minn Catherine Micallef

KAMPJONAT TIENI DIVIŻJONI IRGIEL

Starlites 52

Mellieħa Tritones 47

(16-6)(14-12)(6-9)(16-20)

 

Siggiewi vs Suns

Siggiewi vs Suns

Starlites irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mellieħa 52-47 f’partita kwieta għalkemm fl-aħħar sessjoni tjiebet xi ftit. Starlites irkupraw lil Chris Doublet u Donovan Deguara fil-waqt li għal Mellieħa rritorna wara assenza ta’ 8 partiti Joshua Aquilina. Starlites bdew tajjeb bil-baskets ta’ Robert Loporto. Wara baskets ta’ Aquilina u Matthew Cauchi għal Mellieħa, Starlites wieġbu b’run ta’ 10-2 inkluż trippla ta’ Robert Bonnici għal skor ta’ 16-6 fi tmiem is-sessjoni. Starlites kabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu b’żewġ baskets pero’ Mellieħa wieġbu bi break ta’ 6-0 biex sa nofs is-sessjoni naqqsu d-distakk għal 8 punti 12-20. Trippla ta’ Loporto fetħet run oħra ta’ 8-2 minn Starlites u minkejja li Oliver Sammut u Graham Coleiro għamlu 4 punti għal Mellieħa, fl-intervall Starlites kienu għadhom 12 minn fuq 30-18.

Fit-tielet sessjoni l-partita naqqset ħafna mir-ritmu u l-punti tant li saru iktar turnovers milli baskets miż-żewġ naħat. Starlites fetħu b’żewġ baskets ta’ Doublet hekk kif Mellieħa bdew jtitilfu l-pusess kontinwament. Mellieħa rkupraw u issa kienu Starlites li bdew iżidu t-turnovers biex Mellieħa għamlu run ta’ 9-2 għal skor ta’ 36-27. Fl-aħħar perjodu l-partita sbieħet meta Mellieħa bdew jersqu viċin u Starlites tilfu lil Bonnici bil-ħames foul. Mellieħa għamlu run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Oliver Sammut. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Francois Bartolo u trippli minn Saviour Bonnici. Mellieħa komplew inaqqsu d-distakk pero’ l-iktar li rnexxielhom jaslu kien sa’ sitt punti u Starlites baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 52-47.

 

Starlites: R. Loporto 10, R. Bonnici 13, C.Doublet 4, S. Bonnici 10, D. Sultana, C. Borg, A. Schembri 4, D. Deguara, A. Cutajar 2, F. Bartolo 9.

Mellieħa Tritones: M. Cauchi 9, M. Borg Anastasi, J. Muscat 4, A. Mehmedov, R. Abela,  O. Sammut 10, J. Aquilina 6, M. Camilleri 2, J. Sant, G. Coleiro 16, P. Cauchi.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder

 

Athleta 49

Miscela D’Oro Mtarfa 48

(13-11)(14-12)(16-11)(6-14)

 

Athleta għelbu lil Miscela D’Oro Mtarfa 49-48 biex evitaw l-aħħar post tal-klassifika. Kif juri l-iskor il-partita kienet missielta minkejja li kellha skor baxx. Athleta kienu mingħajr Martin Krastev fil-waqt li għal Mtarfa kienu nieqsa Alex Psaila u David Cini. Wara bidu bilanċjat fejn Mtarfa ħadu vantaġġ ta’ punt 6-5, Athleta għamlu break ta’ 8-3 biex sa tmiem il-perjodu ħadu vantaġġ ta’ basket 13-11. It-tieni sessjoni kienet bilanċjata għal ħinijiet twal biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin u l-vantaġġ jinbidel għal diversi drabi. Lejn it-tmiem kien hemm trippla ta’ Joe Vella għal parita 23-23 pero’ baskets minn John Chircop u Zak Borg taw vantaġġ lil Athleta qabel l-intervall 27-23.

Athleta kabbru l-vantaġġ fit-tielet sessjoni b’iktar punti minn Borg u wara li Mtarfa naqqsu d-distakk permezz ta’ Darryl Schembri, kien Chircop li għamel il-punti ta’ l-Athleta. Huma temmew is-sessjoni fuq quddiem 43-34 u fil-ftuħ ta’ l-aħħar waħda għamlu żewġ baskets oħra biex il-vantaġġ kiber għal 13 –il punt 47-34. Hawn waslet reazzjoni minn Imtarfa li għamlu break ta’ 11-0 biex waslu punt il-bogħod mil-avversarji. Id-distakk baqa’ l-istess sal-aħħar meta fl-aħħar 5 sekondi Mtarfa kellhom il-ballun tar-rebħa pero’ Jeffrey Gatt m’għamilx il-basket biex Athleta rebħu l-partita 49-48.

 

Athleta: H. Soufain 2, D. Cassar 4, C. Galea, M. Zammit, M. Galea, M. Tong 4, Z. Borg 17, J. Chircop 12, A. Azzopardi 10, M. Gauci Montalto.

Miscela D’Oro Mtarfa: S. Baldacchino 7, J. Attard, C. Calleja, D. Schembri 7, J. Vella 6, J. Viibe 5, J. Gatt 23.

Referees: Steve Gouder, Emanuel Mangani

 

 

Bell Net SN Suns 70

Siġġiewi 83

(15-14)(18-18)(15-28)(22-23)

 

Siġġiewi għamlu pass kbir lejn ir-rebħ tal-kampjonat meta fil-partita deċisiva għelbu lil Bell Net SN Suns 83-70 fl-isbaħ partita tal-istaġun minn dan il-kampjonat. Il-partita laħqet l-aspettativa u ntlagħbet quddiem pubbliku numeruż. Iż-żewġ timijiet ippreżentaw l-aħjar formazzjoni bis-Siġġiewi jkollhom lil Aryton Debattista flok Jean Falzon. Suns kellhom l-aqwa bidu tal-logħba b’run ta’ 9-0 b’Michael Barberi jagħmel żewġ trippli. Fil-ħames minuta bdiet ir-rimonta ta’ Siġġiewi permezz ta’ Petar Vulovic f’run ta’ 14-3 li rathom jieħdu l-vantaġġ. Eżatt mal-horn, Trevor Grech bi trippla reġa ta’ l-vantaġġ lil Suns 15-14. Suns baqgħu fuq quddiem fit-tieni sessjoni b’iktar trippli minn Grech bis-Siġġiewi jwieġbu permezz ta’ Matthew Shoults u trippla ta’ ħuħ Anthony. Robert Camilleri għamel il-punt tas-Suns qabel ma’ Siġġiewi marru fuq quddiem b’basket ta’ Noel Falzon. Sal-intervall Suns għamlu tlett punti oħra biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 33-32.

It-tielet sessjoni kienet deċisiva għal Siġġiewi minkejja li Suns bdewha bir-raba’ trippla ta’ Grech. Free-throws ta’ Shoults u Vulovic taw il-vantaġġ lil Siġġiewi 39-36. Hekk kif Suns naqqsu d-distakk għal punt, Siġġiewi għamlu run importanti ta’ 16-1 biex marru 16 minn fuq 60-44. Suns għalqu l-perjodu bi free-throws ta’ Barberi 48-60. Fl-aħħar sessjoni Siġġiewi reġgħu żiedu l-vantaġġ permezz ta’ Lee Grech b’Igor Marjanovic jwieġeb kontinwament għal Suns. Pero Suns qatt ma rnexxielhom jersqu viċin biżżejjed biex jinkwetaw lil Siġġiewi li rebħu l-partita 83-70 biex mhux biss baqgħu l-uniku team bla telfa imma wkoll resqu viċin ir-rebħ tat-tieni kampjonat tagħhom fit-tieni diviżjoni taħt il-gwida tal-coach Karl Borg.

 

Bell Net SN Suns:  K. Scicluna 3, A. Pace 1, R. Camilleri 5, D. Agius 2, H. Agius, M. Barberi 16, T. Grech 17, R. Mercieca, R. Camilleri 3, S. Cauchi, I. Marjanovic 23.

Siġġiewi: P. Vulovic 12, JP Antoncic 2, C. Agius 12, M. Shoults 20, L. Grech 22, A. Borg 2, N. Falzon 4, A. Debattista, E. Vella, A. Shoults 9, G. Agius, K. Farrugia.

Referees: Alfred Carbonaro, Clive Terribile.

 

Miscela D’Oro Mtarfa 64

Bell Net SN Suns 52

(11-12)(12-21)(12-6)(29-13)

 

Miscela D’Oro Mtarfa kisbu rebħa sorpriża fuq Bell Net SN Suns 64-52 bis-Suns b’moral baxx wara t-telfa kontra Siġġiewi li swiethom il-kampjonat. Bis-saħħa ta’ dan ir-riżultat Siġġiewi huma matematikament champions tat-tieni diviżjoni. Mtarfa reġa’ kellhom lil istess players ta’ jumejn qabel fil-waqt li Suns kienu mingħajr Hubert Agius li weġġa kontra Siġġiewi. Suns bdew bi trippla ta’ Igor Marjanovic u basket ta’ Michael Barberi pero’ Mtarfa għamlu run ta’ 10-0 hekk kif bdew jieħdu diversi offensive rebounds. Marjanovic reġa’ wieġeb għal Suns li temmew il-perjodu punt minn fuq 12-11. Suns marru aħjar fit-tieni perjodu li bdewh bi break ieħor ta’ 12-4 fejn spikka Keith Scicluna bil-fast breaks. Jeffrey Gatt kompla jagħmel il-punti ta’ Mtarfa li pero’ kienu għadhom 10 minn taħt fil-halftime 23-33.

Wara l-intervall Suns bdew isibu diffikulta biex jagħmlu l-punti u Mtarfa bdew bi break ta’ 6-0. Suns għamlu żewġ baskets pero’ Mtarfa kellhom l-aħjar tmiem għas-sessjoni meta għamlu run oħra ta’ 6-0 u naqqsu d-distakk qabel ma Marjanovic għamel l-aħħar basket ta’ Suns għal skor ta’ 39-35. Basket ta’ Jarnis Viibe fit-tieni minuta tal-aħħar perjodu poġġa lil Mtarfa fuq quddiem 42-41. Huma żammew il-vantaġġ wara trippla ta’ Joe Vella u punti minn Josef Attard u Gatt. Marjanovic baqa’ l-aktar player attiv ta’ Suns pero fis-sitt minuta Mtarfa kienu għadhom 50-47 minn fuq. Mtarfa żammew sod sal-aħħar ħin u żiedu wkoll il-vantaġġ biex ħarġu rebbieħa 64-52.

 

Miscela D’Oro Mtarfa: S. Baldacchino 4, J. Attard 7, C. Calleja, D. Schembri 2, J. Vella 9, J. Viibe 21, J. Gatt 21.

Bell Net SN Suns:  K. Scicluna 8, A. Pace, R. Camilleri, D. Agius, M. Barberi 6, T. Grech 2, R. Mercieca 10, R. Camilleri 4, I. Marjanovic 22.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro

 

Qormi 48

Starlites 62

(7-5)(17-19)(15-16)(9-22)

 

Starlites stennew sa’ tard fl-aħħar sessjoni biex aċċertaw mir-rebħa u għelbu l-isfida denja ta’ Qormi 62-48. Qormi kienu mingħajr Kyle Vella u postu ħadu Kim Vella kif ukoll lil Darren Debattista u Elton Sant u Starlites kienu bla Chris Doublet. L-ewwel sessjoni ma tantx offriet spettaklu u kienet bi skor baxx. Wara li Robert Bonnici għamel l-ewwel basket, Qormi wieġbu b’run ta’ 7-1 b’punti minn Clayton Debono u Justin Gambin. Is-sessjoni għalqet b’basket ta’ Robert Loporto għal Starlites fuq skor ta’ 7-5. It-tieni perjodu kien ferm aħjar minn ta’ qablu fejn Starlites dawwru l-iskor wara diversi punti minn Bonnici. Gambin flimkien ma’ Kenneth Genovese wieġbu għal Qormi pero’ t-trippli ta’ Bonnici ħallew lil Starlites fuq quddiem. Qormi għamlu 5 punti oħra biex ħadu l-vantaġġ pero’ eżatt qabel il-halftime basket ta’ Loporto ppareġja l-logħba 24-24.

Fit-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin għal ħin twil. Starlites reġgħu ħadu vantaġġ pero’ Qormi malajr wieġbu biex marru fuq quddiem. Loporto għamel żewġ trippli biex ta vantaġġ ta’ 5 punti lil Starlites pero’ sat-tmiem il-perjodu Qormi reġgħu waslu punt ‘l bogħod hekk kif Gambin għamel trippla eżatt mal-horn. L-aħħar sessjoni baqgħet bilanċjata sal-ewwel parti tagħha tant li sa’ nofsha l-vantaġġ ta’ Starlites kien biss ta’ 5 punti 48-43. Pero’ fl-aħħar ħinijiet Starlites bdew joperaw il-fast breaks speċjalment Chris Borg u Robert Bonnici biex ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 62-48.

 

Qormi: C. Camenzuli, G. Micallef 4 K. Vella 2, K. Genovese 6, C. Debono 13, S. Kivshanov 6, L. Bugelli, J. Gambin 13, D. Bugeja 2, E. Farrugia 2.

Starlites: R. Loporto 12, R. Bonnici 25, S. Bonnici, A. Cutajar, D. Sultana, C. Borg 13, A. Schembri 2, D. Deguara, A. Cutajar 8, F. Bartolo 2.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile

 

Klassifika Kampjonat Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti
Siggiewi

12

12

0

24

BellNet SN Suns

13

10

3

23

Starlites

12

8

4

20

Qormi

12

4

8

16

Mellieha Tritones

11

4

7

15

Mtarfa Miscela D’oro

12

3

9

15

Athleta

11

3

8

14

Floriana YTC Travel

11

3

8

14

 

 

 





2 Comments

  1. karmnu says:

    Prosit lilek ukoll Karl…U by the way jien miniex Karl Borg

    [Reply]

  2. Karl Borg says:

    Just a big thanks to my players and their families… Grazzi lil familja tieghi ukoll………….. U by the way jien miniex karmnu

    [Reply]

Leave a comment