- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Shaun Attard (Nadur Youngsters) jirbaħ l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Novembru

Posted By Sportinmalta On December 29, 2017 @ 10:53 am In Featured,Football | No Comments

Shaun Attard huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Novembru 2017. L-attakkant ta’ Nadur Youngsters skorja wieħed mill-gowls u kellu sehem ukoll f’kull wieħed mill-gowls l-oħra fir-rebħa ta’ 5-0 ta’ Nadur fuq SK Victoria Wanderers fil-Kampjonat tal-BOV GFA matul ix-xahar ta’ Novembru. Huwa skorja wkoll l-uniku gowl fil-partita ta’ kwalifikazzjoni tal-BOV GFA Cup, ukoll kontra SK Victoria Wanderers biex it-tim mexa ’l quddiem f’din il-kompetizzjoni.

Attard, li għandu 23 sena, ingħaqad ma’ Nadur Youngsters f’Jannar 2017 u immedjatament sab postu mal-ewwel ħdax. Dan l-istaġun, Nadur Youngsters qed jaspiraw li jirbħu l-unuri ewlenin kollha fil-futbol Għawdxi, b’Attard jinsab fost dawk fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.

Shaun beda l-karriera tiegħu ma’ Victoria Hotspurs u anke lagħab għall-Oratory Youths u ma’ SK Victoria Wanderers. Minkejja li rebaħ diversi unuri fil-kategoriji taż-żgħar, għadu qed ifittex li jirbaħ l-ewwel unur ewlieni tiegħu mal-kbar.

Horace Laudi, il-Maniġer Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar lil Attard waqt waħda mis-sessjonijiet tat-taħriġ tat-tim. Attard għażel lill-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/shaun-attard-nadur-youngsters-jirbah-l-bov-gfa-plejer-tax-xahar-ghal-novembru/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.