Senglea Nursery tiġbor fondi għall-assoċjazzjoni tal-qtates C.S.A.F.

Wednesday, July 6, 2011, 11:26

SENGLEA NURSERY, il-Ġimgħa, 1 ta’ Lulju 2011, organizzat tournament tal-futbol, li fih inġabru €165.00 għas-C.S.A.F., Carers for Stray and Abandoned Felines. 

Din l-assoċjazzjoni, li ġiet imwaqqfa minn Doris Zarb f’2005, bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera,  tfejjaq u tieħu ħsieb eluf ta’ qtates.  Il-missjoni tagħhom hi dik li jnaqqsu l-popolazzjoni tal-qtates abbandunati MINGĦAJR ma jiġu maqtula.  Tgħin ukoll biex inaqqsu s-sofferenza ta’ eluf ta’ frieħ li jitwieldu minn qtates abbandunati u maħqura.  Bħalissa din l-assoċjazzjoni toffri kenn għal aktar minn 60 qattus, sakemm dawn isibu dar li lesta tilqagħhom.  Kull wieħed minn dawn il-qtates huwa milqgħuh b’imħabba u jingħata l-attenzjoni medika li jkollu bżonn.

Dan it-tournament sar fil-grawnd tal-Ponta, l-Isla, u dan serva biex inkabbru l-‘awareness’  mat-tfal għall-imhabba lejn il-qtates u l-annimali kollha. 

Nhar it-Tnejn, 4 ta’ Lulju, il-Kumitat ta’ Senglea Nursery ippreżenta ċekk lil din l-assoċazzjoni.  Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ Senglea Nursery, Stephen Spiteri, qal li dawk kollha li jixtiequ jagħtu xi donazzjoni ta’ flus jew ikel lil dawn il-qtates, jista’ jagħmel dan, billi jiġi ġewwa ċ­Ċentru ta’ Senglea Nursery jew jibgħat donazzjoni, billi jidħol ġol-website www.csafmalta.com

Is-Sinjura Doris Zarb, fid-diskors tagħha, irringrazzjat lill-kumitat ta’ Senglea Nursery għal dan il-ġest ferm sabiħ u qalet li għaqda bħal din, tista’ biss tkompli taħdem, b’għotjiet u ġesti tant nobbli bħal dak li għamlu Senglea Nursery.





Leave a comment