- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Sena oħra pożittiva għal Futsal f’Malta

Posted By Sportinmalta On December 30, 2013 @ 10:06 am In Featured,Futsal | No Comments

minn Stephen Azzopardi.

Din is-sena li waslet fit-tmiem tagħha kienet sena oħra ta’ impenn għal Futsal Malta Association (FMA) biex iżomm għoli il-livell tal-futsal f’Malta.

Kienet sena li rat lil Balzan u lil Hibernians bħala l-protagonisti prinċipali b’konfronti bilanċjati bejniethom.

L-2013 rat ukoll il-bidla fil-format tal-kampjonat Malti.

Dan kien seħħ f’laqgħa tal-kunsill eżekuttiv fejn kien deċiż li l-kampjonat ikun magħmul minn żewġ diviżjonijiet: Premier bi 15-il tim u l-Ewwel Diviżjoni bi 13-il tim.

Nagħtu ħarsa lejn uħud mill-mumenti prinċipali li kellna matul is-sena 2013.

Fid-19 ta’ Frar, il-konfront dirett bejn Balzan u Hibernians intemm fi dro ta’ 3-3.

Dan żamm lil dawn iż-żewġ ġganti flimkien fl-ewwel post b’27 punt bid-differenza li Balzan kellhom vantaġġ fin-numru ta’ gowls skurjati minn naħa tagħhom.

Fit-12 ta’ April, ir-referì tal-futsal Franco Cachia kellu suċċess fil-preżenza tiegħu waqt partiti validi għall-kwalifikazzjoni Ewropej fit-Turkija.

Fis-26 ta’ April, Balzan rebħu t-tieni l-aqwa titlu għall-istaġun 2012/13, meta rebħu l-FXDD KO, li ġie organizat għall-ewwel darba mill-Futsal Malta Association.

Fil-finali huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 6-3, f’logħba missielta sew fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Fl-24 ta’ Mejju, Hibernians ġew dikjarati bħala rebbieħa tal-Kampjonat Premier tal-Futsal.

Dan wara li għelbu lil Balzan b’aggregate ta’ 7-2.

Fil-21 ta’ Awissu ġie deċiż li l-kampjonat ikun magħmul minn żewġ diviżjonijiet.

Dan wara li kien hemm xi timijiet li għażlu li ma jibqgħux jieħdu sehem fil-futsal.

Għalhekk il-kampjonat Premier 2013/14 hu magħmul minn Hibernians, Balzan, Luxol, San Gwann, Qormi, Tarxien, Hamrun, Zabbar, Melita, Luqa, Mosta, Zurrieq, Pembroke, Vittoriosa, Swieqi u Birzebbuga.

Aktar tard Tarxien irtiraw milli jieħdu sehem f’dan il-kampjonat.

L-Ewwel Diviżjoni hi magħmula minn Zebbug, Fgura, Sta Lucia, Valletta, Gzira, Siggiewi, Sirens, Marsaskala, Kalkara, Mqabba, Naxxar, Qrendi u Msida.

Fit-2 ta’ Settembru, Hibernians waslu lura mill-Finlandja wara li ħadu sehem fil-UEFA Futsal Cup.

Huma spiċċaw it-tieni post fil-grupp.

Mal-wasla tagħhom ingħataw merħba kbira kif kien jixraq fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fit-28 ta’ Settembru, Balzan rebħu s-Super Cup kontra Hibernians.

Balzan li kienu ferm dominanti ħadu dan l-ewwel suċċess għall-istaġun 2013/4 bl-iskor ta’ 5-1.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/sena-ohra-pozittiva-ghal-futsal-fmalta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.