Seminar Tal-Ħarifa Għall-Uffiċjali Elite U Referee Observers

Wednesday, November 23, 2016, 19:36

Gavin Muscat

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, il-Malta FA Refereeing Department organizza s-solitu seminar tal-Ħarifa għal kważi sittin uffiċjali u referee observers, fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, li l-aspett storiku u sbuħija arkitettonika tiegħu għadhom kemm ġew restawrati u rinovati.

Fl-introduzzjoni tiegħu, id-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi qal li l-iskop ewlieni ta’ dan is-seminar (tliet xhur wara dak li sar qabel il-bidu tal-istaġun) kien li wieħed jieqaf ftit u jara fejn sejrin tajjeb, x’jista’ jitjieb u x’mar ħażin fil-prestazzjonijiet s’issa.  Qal li l-istil tat-tmexxija tiegħu jista’ jidher li hu rilassat iżda riżultati pożittivi huma mistennija minnu u t-team tiegħu li, madankollu, huma fid-dover jgħinu lir-referees (meta possibbli).  Dan hu staġun li ġab u ser iġib diversi bidliet (strateġija, online portal, kits ġodda għat-tliet snin li ġejjin, vanishing spray fil-Premier League, skema ta’ assikurazzjoni qed tiġi diskussa).  Qal li s’issa l-ammont ta’ appointments internazzjonali kien ta’ 22 (fl-2015 kien 15) u rrikonoxxa l-mertu tar-referees għal dan; fl-istess waqt appella lil kulħadd biex “ejjew inkomplu naħdmu flimkien.”

Il-mistieden prinċipali, l-ex referee internazzjonali Franċiż u fil-preżent UEFA Refereeing Officer Marc Batta, esprima l-pjaċir tiegħu li kien Malta biex jaqsam l-għarfien u l-esperjenza tiegħu mar-referees biex jgħinhom jitjiebu.  Hu mexxa sessjonijiet bis-suġġetti Positioning, The Advantage Clause, Effective Teamwork, u Communication & Personality permezz ta’ powerpoint presentations u wiri ta’ filmati b’sitwazzjonijiet meħuda minn diversi leagues u kompetizzjonijiet Ewropej, fejn ħarġet l-importanza ċara li r-referee irid jitrenja iebes (fiżikament u mentalment) biex ikun ippreparat isegwi l-azzjoni u jibqa’ iffokat u konċentrat tul il-logħba kollha biex ikun kapaċi jieħu korrettament id-deċiżjonjiet mistennija minnu.

Suġġetti oħra ġew indirizzati mid-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi dwar Tackling Major Decisions, u min-national instructors Charles Agius dwar Handball, u Gaetano  De Gabriele dwar Adopting the Right Attitude on and off the field of play.

Diskussjonijiet fi gruppi għar-referees tmexxew mid-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi u r-Refereeing Assistant Marco Borg,  għall-assistenti referees (dwar offside) mill-Assistent Ditrettur Philip Agius; u r-Refereeing Officer  Alex Arena laqqa’ lir-referee observers.

Fit-tlett ijiem tas-seminar, il-parteċipanti sarulhom quizzes dwar General Knowledge u Profiċjenza fil-lingwa Ingliża u test dwar ir-Regolamenti tal-Logħba immexxija mir-Refereeing Officers Andrè Arciola u Adrian Azzopardi, li taw ukoll feedback dwarhom.

Konferenza stampa – li matulha ġew ippreżentati l-kits ġodda tar-referees (bla ma jħallsu xejn) għat-tliet snin li ġejin – ġiet indirizzata minn:

  • is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo qal li issa li ser jibda avventura ġdida mal-FIFA, ried jirringrazzja lill-uffiċjali għall-kooperazzjoni tagħhom f’dawn l-aħħar 6 snin u nofs fl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tal-Malta FA għall-preżent u l-futur tar-refereeing lokali; bir-riżultat li llum għandna aktar u referees aħjar, u ta’ livell għoli wkoll.  Irringrazzja lil Marc Batta li għoġbu jiġi jaqsam l-esperjenza tiegħu magħna.
  • Marc Batta irrikonoxxa x-xogħol imwettaq minn dawk preżenti filwaqt li rrimarka li ħa gost bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-aħħar tlett ijiem; appellalhom għall-konsistenza (bl-għajnuna tar-refereeing officers u r-referee observers); u awguralhom għall-futur.
  • Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Chris Agius, irringrazzja lil Marc Batta li qasam l-esperjenza vasta tiegħu mar-referees tagħna; lil Kevin Azzopardi, it-team tiegħu u r-referees li flimkien huma parti importanti mil-logħba tal-football.  Filwaqt li rringrazzja lil Bjorn Vassallo għall-ħidma tiegħu fl-MFA u awguralu fil-karriera ġdida tiegħu fi ħdan il-FIFA, feraħ lil Dr Angelo Chetcuti (li kien preżenti) li ħa l-kariga tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-MFA.
  • Kevin Azzopardi qal li fl-istess ġimgħa tas-seminar attenda UEFA Workshop u irrealizza li r-refereeing sector tagħna hu wieħed mill-aqwa fl-Ewropa f’dik li hi organizzazzjoni strateġika u inizjattivi meħuda; u dik hi r-raġuni wara l-ammont ta’ appointments internazzjonali li l-uffiċjali ħabrieka tagħna ħadu s’issa fl-2016 (40% aktar mill-2015).  Qal li r-referees lokali ser jiggwadanjaw minn żewġ proġetti internazzjonali tal-UEFA; iktar referee exchanges ser iseħħu aktar tard f’Novembru u fl-2017; ir-Referees’ Academy reġghet għandha 20 kandidat ieħor dan l-istaġun; u għall-2017 irnexxielna nżommu l-istess ammont ta’ uffiċjali internazzjonali (17). Irringrazzja lil Marc Batta li aċċetta l-istedina biex ikun il-lecturer ewlieni tas-seminar; is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Chris Agius għall-għajnuna tiegħu; Heritage Malta li ospitawna; l-MFRA; u l-isponsors AutoFactors; it-team amministrattiv tiegħu għax-xogħol siewi li jwettaq (innotat ukoll minn Marc Batta), u Bjorn Vassallo filwaqt li awguralu personalment (u f’isem il-familja tar-referees) għall-karriera futura tiegħu mal-FIFA.

Fl-għeluq tas-seminar, id-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi spjega xi punti  amministrattivi; bil-kummenti konklussivi tiegħu jkunu li jidher hemm sodisfazzjon ġenerali għall-prestazzjonijiet tal-uffiċjali sal-fażi li wasalna fiha fl-istaġun u li kien seminar fejjiedi.





Leave a comment