Seminar ta’ qabel l-istaġun għall-uffiċjali nazzjonali

Thursday, September 13, 2018, 9:14

Fl-introduzzjoni tiegħu, id-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi ta merħba lill-parteċipanti (madwar 90) u lil Alan Snoddy mill-UEFA li għal darb’oħra aċċetta l-istedina tagħna li jmexxi dan is-seminar.

Kevin Azzopardi qal li dan hu kontinwazzjoni mat-tema GO FOR GOLD magħżula għas-seminar ta’ qabel staġun ġdid li sar għall-Elite Referees fil-Ġermanja xahar qabel – persuna għandha toħroġ mill-kumdità li tkun fiha u tistinka fil-mira tagħha li tilħaq l-ogħla livell possibbli fil-refereeing. Fl-isforzi li jsiru kontinwament biex jitjieb ir-refereeing f’kull livell tal-football lokali, id-Dipartiment tar-Refereeing lest jipprovdi l-aħjar possibbli, tant hu hekk li minn dan l-istaġun membru fil-Kumitat tar-Referees ġie maħtur bħala Uffiċjal Edukattiv.

Matul is-seminar, il-partiċipanti ħadu sehem f’sessjonijiet teoretiċi li nkludew video test, ieħor dwar ir-Regolamenti tal-Logħba, u sessjoni fuq l-Applikazzjoni tal-Vantaġġ fejn intwerew azzjonijiet minn logħbiet tal-UEFA li ġew analizzati fi gruppi u l-interpretazzjoni għalihom mogħtija.

L-uffiċjali kellhom sessjonijiet għalihom dwar Physical Preparation and Remote Training, Fitness Tests, Body Fat and Fitness Tests Review, oħrajn prattiċi li tmexxew mill-coaches tagħhom fil-Luxol Stadium qrib (tal-aħħar ġew rekordjati fuq dvd biex jiġu analizzati fil-futur qrib), u eżerċizzju ta’ team-building.

Ir-referee observers kellhom sessjonijiet oħra għalihom: materji amministrattivi; spjegazzjoni dettaljata minn Kevin Azzopardi dwar logħba UEFA Under-17 (wara li kienu raw il-logħba d-dar u ssottomew ir-rapport u l-marki tal-uffiċjali) li wriet l-importanza tal-uniformità bejn l-osservaturi tar-referees, bażata fuq linji-gwida tal-UEFA; u taħdita Being a Coach not a Fault Finder (by Alan Snoddy) fejn ġie enfasizzat li l-marka finali li tingħata lill-uffiċjali tkun tirrifletti l-kontenut tar-rapport.

Il-lectures l-oħra ta’ Alan Snoddy kienu dwar il-Management of Players (waqt free kick, nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjonijiet tal-uffiċjali u li l-aġir tal-players li javviċinawhom f’daqqa irid jispiċċa, u time-management); Komunikazzjoni Effettiva  (moviment  / pożizzjonijiet, kuntatt bl-għajnejn, l-użu tal-vuċi) biex persuna tasal għal deċiżjoni korretta; u Deċiżjonijiet Kruċjali fil-Logħba (rigward attenzjoni, deċiżjonijiet pożittivi / negattivi li jeffettwawha u li permezz ta’ analiżi personali wara titgħallem minnhom).

Prezenti wkoll lejn l-għeluq tas-seminar kien hemm Miguel Solis Vazquez, uffiċjal għoli fi ħdan id-Dipartiment tar-Refereeing tal-UEFA, li għalkemm fuq vaganza privata f’pajjiżna xorta waħda ħass il-ħtieġa li jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan l-avveniment. Huwa qal li d-Dipartiment tar-Referees tal-MFA huwa fost l-aktar attivi fi ħdan il-UEFA u li jammira lill-amministraturi tiegħu li dejjem jippruvaw joffru opportunitajiet ġodda lill-uffiċjali Maltin.

Fil-kumment finali tas-seminar, id-Direttur tar-Refereeing Kevin Azzopardi irringrazzja lil kulħadd għall-interess u l-kooperazzjoni murija waqt it-tlett ijiem tas-seminar, u awgura “Ejjew ħalli jkollna staġun ta’ suċċess flimkien!”





Leave a comment