- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

SEBA’ MIDALJI FL-EWWEL JUM TAL-ATLETIKA F’LA BAULE

Posted By Sportinmalta On May 25, 2018 @ 7:50 am In Featured,Other | No Comments

Il-kontinġent Malti tal-MESA li qed jieħu sehem fil-World Company Sport Games f’La Baule fi Franza llum rebaħ xejn anqas minn seba’ midalji fl-ewwel jum tal-Atletika, jiġifieri midalja waħda tad-deheb, tnejn tal-fidda u erbgħa tal-bronż.

Lawrence Ransley iddomina l-kategorija tiegħu tax-Shot Put fejn ħareġ rebbieħ bi throw ta’ 14-il metru u 10 ċentimetru biex kiseb l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta.

David Cassar u Peter Azzopardi kisbu midalja tal-fidda t-tnejn li huma fil-5,000 metru. Cassar spiċċa t-tieni fil-kategorija Ċ (40-49 sena) u Azzopardi għamel l-istess fil-kategorija D (50-59 sena).

L-erba’ midalji tal-bronż intrebħu minn Marilyn Grech fil-kategorija A (18-29 sena) tal-100 metru, Mark Mifsud fl-istess kategorija A fit-800 metru, Matthew Mifsud fil-kategorija B (30-39 sena) ta-5,000 metru u Adrian Mifsud fil-kategorija Ċ tal-5,000 metru.

Fil-Beach Volley, it-team ta’ l-Irġiel iffurmat minn Angelo Bonello u David Mario Caruana, rebaħ erba’ logħbiet minn erbgħa biex jinsabu bċans tajjeb għall-midalji, waqt li t-team tan-Nisa ffurmat minn Maria Caruana Demicoli u Isabel Cutajar rebaħ tnejn minn tliet logħbiet u għadhom ukoll b’ċans li jkomplu javvanzaw.

It-team tal-Badminton, li qed jieħu sehem fis-Senior Mixed Tournament, kiseb rebħa ta’ 4-0 kontra team Franċiż imma tilef 3-1 kontra avversarji Ġermaniżi.

Fil-Bowling, fi tmiem l-ewwel jum ta’ logħob, il-Malta International Airport jinsabu fis-sitt post u l-Bank of Valletta fit-12-il post minn 32 tim. Il-logħob ikompli llum il-Ġimgha, bl-ewwel 12-il tim jgħaddi għall-fażi finali.

Kien hemm ukoll riżultati tajbin għall-plejer tad-Darts Joseph Mallia li kiseb rebħiet bl-iskor identiku ta’ 3-0 kontra l-Franċiż Jean Claude Samoyeau u l-Ġermaniż Anthony Henton.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/seba-midalji-fl-ewwel-jum-ta-latletika-fla-baule/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.