Se jkun iffirmat il-ftehim mal-Kumitat Olimpiku Malti fuq bażi ta’ 3 snin

Tuesday, December 3, 2013, 9:43
Fil-jiem li ġejjin se titwettaq wegħda oħra mill-Manifest Elettorali, fejn il-Gvern mistenni jiffirma kuntratt b’valur ta’ €1.6 miljun mal-Kumitat Olimpiku Malti, li jinkludu €1.1 miljun assistenza teknika u nofs miljun ewro f’asistenzi varji indiretti, li iżda jgħinu fit-tmexxija tal-Kumitat Olimpiku Malti. Dan l-ammont hu l-aktar wieħed li qatt ġie investit mill-Gvern fil-logħob fil-Kumitat Olimpiku. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, waqt iċ-ċerimonja tal-MOC Awards.

 

Dr Buontempo qal li dan hu l-ewwel ftehim li qatt ġie ffirmat fuq bazi ta’ tlett snin, għax il-Gvern jemmen fir-rwol tal-isport fis-soċjetà tagħna u permezz ta’ dan il-ftehim ser ikun qed jassisti lill-Kumitat Olimpiku Malti biex ikun jista’ jippjana l-attivitajiet tiegħu sas-sena 2016 meta se jsiru l-logħob olimpiċi. Dan il-ftehim se jwassal ukoll biex anke l-atleti jkunu jistgħu jagħmlu l-preparamenti meħtieġa.

 

Din kienet it-12-il edizzjoni tal-MOC Awards fejn fost l-oħrajn kien hemm it-tim nazzjonali tal-pool, il-bowlers Sue Abela u Justin Caruana Scicluna u t-tiratur William Chetcuti jirbħu l-aktar unuri prestiġjużi. 






Leave a comment