Santino Coppa lura f’pajjiżna u jiddebutta b’rebħa u Starlites bit-tieni rebħa

Monday, January 16, 2017, 22:13

Kampjonat MSV Life – Nisa

minn Colin Schembri

Starlites 51

Hibs 47

(9-12)(14-15)(9-11)(19-9)

Starlites komplew jikkonfermaw li se jkunu għadma iebsa għal

Ritratt: Wally Galea

kulħadd dan l-istaġun meta kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat kontra Hibernians 51-47. Il-partita kienet kumbattuta fejn għalkemm Hibs għalqu kemm felħu lill-koppja Josephine Grima u Patricia Arguello, kien hemm players oħra li qamu għall-okkażjoni bħal Adriana Lupo li kellha partita mill-aqwa. Hibs batew fl-attakk hekk kif Trudy Armstead għal ħafna drabi kienet issikata ġewwa ż-żona però s-shooting minn barra ftit li xejn kien effettiv. Starlites kellhom lura lil Danielle Agius però kellhom nieqsa players bħal Kim Pirotta u Emma Magrin. Kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ wara baskets minn Maria Said u Julia Scerri biex marru 8-2 minn fuq. Starlites irrispondew bil-punti ta’ Lupo u trippla ta’ Kristy Galea però kienu Hibs li temmew it-taqsima fuq quddiem 12-9. Fit-tieni perjodu l-logħob kompla jkun missielet u għal tlett darbiet Starlites naqqsu d-distakk għal punt. Hibs kellhom trippla minn Silvia Gambino però Arguello wkoll wieġet bi trippla għal Starlites flimkien mal-punti ta’ Galea u Samantha Farrugia. Baskets ta’ Said u Alexandra Marinkovic ħallew lil Hibs fuq quddiem sal-halftime 27-23.

Fit-tielet taqsima, Hibs raw lil Starlites jersqu viċin wara l-punti ta’ Arguello u Farrugia però trippla ta’ Elena Cassar rathom jerġgħu jżidu l-vantaġġ. Hibs komplew bil-punti ta’ Cassar u Armstead biex temmew is-sessjoni 38-32 minn fuq. Fl-aħħar taqsima però Hibs waqfu jiddefendu u sofrew run ta’ 9-0 minn Grima u Lupo biex Starlites marru 4 minn fuq 43-39. Basket ta’ Cassar waqqaf ir-run ta’ Starlites li għal xi ħin tilfu wkoll lil Arguello li kellha tinbidel minħabba xi demm speċjalment wara protesti minn Hibs. Madankollhu, kien hemm il-punti ta’ Kristy Galea u trippla finali ta’ Samantha Farrugia biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 51-47.

Starlites: D. Agius 4, K. Galea 9, J. Doughty, S. Farrugia 6, J. Micallef, J. Grima 13, P. Arguello 5, S. Davies 2, A. Lupo 12.

Hibs: I. Agius, E. Cassar 6, S. Gambino 9, K. Caruana, M. Said 9, A. Marinkovic 4, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia, T. Armstead 15, J. Scerri 4.

Referees: Emanuel Mangani, Brian Sly, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Caffè Moak Luxol 64

Gżira Athleta 59

(23-19)(9-10)(19-17)(13-12)

Ic-champions Caffè Moak Luxol irritornaw għar-rebħ meta

Ritratt: Wally Galea

għelbu lil Gżira Athleta 64-59 u tawhom l-ewwel telfa tal-kampjonat. F’din il-partita spikka r-ritorn ta’ Santino Coppa f’pajjiżna, l-ex coach nazzjonali tan-nisa fejn Coppa ħa post Francesco Manella fuq il-bank ta’ Luxol. Kien hemm ukoll id-debutt ta’ Beverlee Zammit li ingħaqdet ma’ Athleta propju m’għand Luxol li kellhom nieqsa wkoll lil Paula Ellul. Athleta kellhom nieqsa lil Antoinette Borg. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn wara trippla minn Amelia Simmons poġġiet lil Athleta fuq quddiem Luxol irrispondew bil-punti ta’ Sarah Pace u Steffi De Martino. Iż-żewġ timiiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm lejn it-tmiem Luxol kellhom run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Ina Baena Medina u temmew it-taqsima 23-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu iż-żewġ timijiet kellhom fażijiet qosra bl-Athleta jġibu l-iskor indaqs wara punti ta’ Simmons però reġgħu kienu Luxol li feġġew fuq quddiem b’basket ta’ Martina Darmanin għal skor ta’ 32-29.

Wara l-intervall Athleta marru fuq quddiem wara baskets minn Simmons, Sharon Vella u Christina Grima. Luxol wieġbu bi trippla ta’ Pace u għal ħin twil iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin . Kif għamlu fis-sessjonijijiet ta’ qabel, Luxol għalqu l-aħjar u reġgħu marru 51-46 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Athleta bdew bi break ta’ 8-2 kollha minn Simmons u naqsu d-distakk għal punt 54-55. Medina u l-Amerikana Attirah Munir kabbru l-vantaġġ ta’ Luxol u l-Athleta qatt ma reġgħu ħadu l-vantaġġ minkejja l-punti ta’ Simmons u Grima. Kienu Luxol li għalqu l-partita b’sensiela ta’ free-throws minn De Martino u ħarġu rebbieħa 64-59.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 7, A. Munir 13, I. Baena Medina 10, N. Vella, S. De Martino 31, K. Calleja, A. Calleja, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin 2, C. Curmi 1.

Gżira Athleta: M. Stefanovic, C. Grima 17, S. Pisani, L. Sciberras 2, A. Simmons 32, D. Said Hollier 2, J. Schembri, S. Vella 6, C. Mifsud.

Referees: Stephen Micallef, Christine Farrugia, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Ritratti: Wally Galea





Leave a comment