Sandro Micallef elett President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Tuesday, July 11, 2017, 18:14

Isir ir-raba’ President fl-istorja tal-GħĠS wara Fr Hilary Tagliaferro, Henry Calleja u Charles Camenzuli

Sandro Micallef huwa r-raba’ President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Minkejja li hu kien l-unika kandidat għal din il-kariga ittieħed vot sigriet ta’ fiduċja bejn il-membri preżenti fejn Micallef ġab 30 vot favur, vot kontra u astensjoni waħda.

Micallef li ilu jaħdem fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv sa mill-1996 laħaq flok Charles Camenzuli li kien ilu President għal dawn l-aħħar erbatax –il sena u li xagħrejn ilu ġie elett bħala President tal-AIPS Europe u Vici President tal-AIPS.

Qabel Camenzuli, l-Għaqda Ġurnalisti Sports li qabel kienet magħrufa bħala Għaqda Kittieba Sport mis-sena tat-twaqqif fl-1970 kellha wkoll lil Fr.Hilary sal-1987 u warajħ sal-2003 lil Henry Calleja.

L-istess Laqgħa Generali Annwali approvat ir-rapporti Amministrattivi u Finanzjarji imħejjija minn Sandro Micallef u Antoine Dalli , Segretarju u Teżorier rispettivament. Apparti Sandro Micallef li minn Segretarju Ġenerali laħaq President hemm tibdil sostanzjali fit-tmexxija fejn bħala Segretarju Ġenerali issa ġie elett Mark Mizzi filwaqt li Teżorier flok Antoine Dalli ġie elett Mark Muscat. Mario Bonnici li kien Viċi President, Antoine Dalli li kien Teżorier kif wkoll il-membri  Henry Brincat u Nigel Mifsud ma kkontestawx għat-terminu 2017-2021.

Ġew eletti wkoll sitt membri fil-Kumitat Eżekuttiv: Stephen Azzopardi, Clinton Buhagiar, Joanna Camilleri, Lorraine Cunningham, Antvin Monsigneur u Stewart Said filwaqt li Cristian Muscat se jintalab sabiex ikun co-opted fil-Kumitat Eżekuttiv wara l-ewwel laqgħa.

Charles Camenzuli fl-aħħar indirizz tiegħu bħala President filwaqt li ta rendikont dwar kif żviluppat l-Għaqda Ġurnalisti Sports matul dawn l-aħħar 47 sena irrefera għal dan l-iżvilupp bħala wieħed kostanti għal mod kif żviluppat il-media tal-isport f’pajjiżna. Huwa għamel wkoll riferenza dwar l-imġieba ta’ ċerti ġurnalisti membri fl-użu tal-media soċjali fejn jekk ma jkunx użat tajjeb dan il-fattur jista’ jkun element ta’ kritika kontra l-istess media tal-isport. Camenzuli ma naqsx milli jgħamel appell għal aktar responsabilta’ mill-ġurnalisti fl-Għazliet Sportivi Nazzjonali.

Huwa ndirizza wkoll lil membri fil-kapacita’ tiegħu bħala President tal-AIPS Europe fejn ta dehra ġenerali dwar x’tiġbor fiha din il-kariga li tirrappreżenta 49 pajjiż Ewropew u 6000 ġunalist membru. Camenzuli wiegħed li ser ikompli jgħati kull appoġġ possibbli lill-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Camenzuli fi tmiem il-laqgħa inħatar wkoll bħala President Onorarju għal għomru liema titlu ġie estiż wkoll għall-eks Presidenti l-oħra Fr.Hilary u Henry Calleja. Il-membru veteran u eks Vici President Simon Bonello iddaħħal fil-Hall of Fame tal-Għaqda għas-sena 2016.

Għal din il-Laqgħa Ġenerali attendew wkoll bħala osservaturi uffiċjali ta’ assocjazzjonijiet tal-isport li magħhom l-GħĠS għandha relazzjoni bilaterali kif wkoll uffiċjali minn Sport Malta u mill-Kumitat Olimpiku Malti.

 





Leave a comment