San Ġwann jibqgħu jżommu l-ewwel post fil-Convenience Summer Cup 2019

Friday, August 16, 2019, 10:39

San Ġwann baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika ta’ The Convenience Summer Cup 2019 hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dan it-turnament annwali ta’ qabel l-istaġun.

It-tim immexxi minn Jean Paul Desira xejn ma sabha faċli jegħleb lil Qormi u kellhom ikunu l-għoti tal-penalties li tahom il-punti meħtieġa.
Anke Żebbuġ Rangers kellhom imorru għall-penalties sabiex għelbu lil Żejtun Corinthians sabiex ġew dikjarati rebbieħa ta’ dan il-konfront.

Fil-fatt f’dan it-turnament jekk il-logħba tispiċċa fi dro sa tmiem id-disgħin minuta, jingħataw mal-ewwel il-penalties fejn it-tim rebbieħ jieħu żewġ punti filwaqt li dak tellief jieħu punt. Min-naħa l-oħra jekk ikun hemm rebħa diretta fid-90 minuta, tim jieħu tliet punti.

Kif għedna San Ġwann kisbu t-tieni suċċess ta’ dan it-turnament meta f’logħba ferm sabiħa huma għelbu lil Qormi 6-5 bl-għoti tal-penalties.
Il-logħba sad-90 minuta spiċċat fi dro ta’ 1-1. Kienu San Ġwann li marru fil-vantaġġ wara biss 30 sekonda grazzi għal Jake Bowman li wara li rċieva mingħand Jean Paul Attard, baqa’ javvanza filwaqt li qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper avversarju.

Ftit wara Qormi ngħataw penalty wara rregolarita’ fil-kaxxa ta’ San Ġwann. Mill-11-il metru kien Freud li ra x-xutt tiegħu milqugħ ferm tajjeb mill-keeper ta’ San Ġwann Jean Matthias Vella.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet b’San Ġwann 1-0 minn fuq, fit-tieni taqsima Qormi ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs tant li għamlu dan fil-81 minuta meta wara kross tajjeb, kien Tensior Guzman li bir-ras għeleb lill-keeper avversarju.

Il-logħba kellha tiġi deċiża mix-xuttijiet mill-11-il metru fejn hawnhekk kienu ferm bravi San Ġwann li skorjaw erbgħa mill-ħames penalties li taw filwaqt li Qormi skorjaw tlieta.

Din ir-rebħa għenet lill-organizzaturi ta’ dan it-turnament li jżommu l-ewwel post tal-klassifika u għandhom żewġ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Qormi FC.

F’din it-tieni ġurnata kellna d-debutt pożittiv ta’ Żebbuġ Rangers illi wkoll sabuha diffiċli sabiex jiksbu żewġ punti hekk kif għelbu lil Żejtun Corinthians 9-8 wara l-għoti tal-penalties. Għal dawn tal-aħħar din kienet it-tieni telfa bil-penalties wara li fl-ewwel ġurnata kien ġralhom l-istess kontra Qormi FC.

Kienu Żebbuġ Rangers li marru fil-vantaġġ fit-38 minuta permezz ta’ Saturday Nanapere li kompla jikkonferma l-potenzjali tiegħu quddiem il-lasta avversarja.

Wara li ż-Żebbuġin marru jistrieħu 1-0 minn fuq, Żejtun Corinthians ħarġu b’aktar grinta fit-tieni taqsima tant li ġabu l-iskor indaqs fil-65 minuta permezz tal-plejer Brażiljan Ribeiro Santos li għeleb lill-gowlkiper tar-Rangers. Huma ppruvaw jagħlqu l-konfront qabel id-90 minuta iżda sabu lill-gowlkiper ta’ Żebbuġ isalva dak li ġie għal idejh.

Il-logħba marret għall-għoti tal-penalties u wara li ngħataw sittax-il penalty, kienu Żebbuġ Rangers li ħarġu rebbieħa bl-iskor kumplessiv ta’ 9-8.

KIF JINSABU
San Ġwann 5, Qormi FC 3, Żebbuġ Rangers, Żejtun Corinthians 2, Mġarr United 0.

Matul din it-tieni ġurnata Mġarr United ma kienux fl-azzjoni.





Leave a comment