Sammut rebbieħ fil-Moto Enduro

Wednesday, January 22, 2020, 14:29

Nhar il-Ħadd li għadda ġiet organizzata t-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020 fil-barriera tal-Ballut Limiti tan-Naxxar. Għal din l-attività rreġistraw 19 il-kompetitur maqsuma f’erba’ klassijiet.

Għal darba oħra Bernard Sammut fuq mutur Beta kompla jiddomina fuq korsa ta’ 3.5 kilometri, b’ħin ta’ 4 minuti 29.94 sekondi u kompla jtejjeb il-ħin tiegħu matul l-ewwel tiġrija b’ħin ta’ 4 minuti 22.98 sekondi. Fit-tieni Heat irnexxielu jniżżel il-ħin għal 4 minuti 16.92 sekondi. Sammut rebaħ kemm il-klassi kif ukoll l-Overall tal-ġurnata b’ħin totali ta’ 8 minuti 39.89 sekondi segwit minn Matthew Gauci fuq mutur Sherco b’ħin totali ta 9 minuti 5.87 sekondi. Fit-tielet post daħal James Zahra fuq mutur Sherco b’ħin ta’ 9 minuti 45.42 sekondi.

Fil-Klassi B, Kyle Stone fuq mutur KTM kompla jiddomina din il-klassi fejn għal darba oħra rebaħ b’ħin totali ta’ 11-il minuta 19.99 sekondi segwit minn Krist Falzon fuq mutur Husqvarna b’ħin ta’ 13-il minuta 25.33 sekondi.

Fil-Klassi Ċ, Jamie Vassallo fuq mutur KTM rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 13-il minuta 30.64 sekondi segwit minn Daniel Sammut fuq mutur KTM b’ħin ta’ 15-il minuta 23.03 sekondi.

Fi Klassi D tal-Juniors Riders, Julian Scicluna fuq mutur Beta rebaħ din il-klassi b’ħin ta 14 il-minuta 32.79 sekondi segwit minn Antoine Muscat fuq mutur KTM b’ħin ta’ 17 il-minuta 18.12 sekondi.

Attività oħra Enduro ħa ssir nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020, fl-Imqabba u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ser tkompli bit-tiġrijiet tal-Karozzi Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020. Din il-ħames attività tal-istaġun issir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’Qali u tibda 11.00am.

Ħarsa ħafifa lejn il-klassifika wara tliet tiġrijiet naraw li fil-Kampjonat Nazzjonali Autocross Modified insibu lill Andrew Pisani fuq Opel Nova jillidja din il-klassi segwit minn Karl Micallef fuq Opel Corsa u Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 rispettivament. Fil-Klassi B naraw lill Jonathan Camilleri fuq Opel Nova jillidja din il-klassi segwit minn Ryan Scicluna u Noel Vella it-tnejn fuq karozzi Ford Fiesta.

Fil-Klassi Autocross Standard bħalissa naraw lil Kyle Agius fuq Opel Nova jillidja l-Klassifika segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella flimkien ma Nicovich Chircop fuq Peugeot 106.

Intant, il-Kumitat Ezekuttiv fuq parir tal-Kumitat Autocross iddeċida li l-attivita l-Ħadd 12 ta’ Jannar 2020 li twaqqfet minħabba l-maltemp, se titkompla nhar it-Tnejn 10 ta’ Frar 2020, ġurnata ta’ Festa Publika u tibda f’noifsinhar.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha wkoll fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email:- info@asmk.org.mt

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment