Sammut irreġistra rebħa oħra fil-Kampjonat Nazzjonali Enduro

Wednesday, December 18, 2019, 12:38

Tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellha tkun waħda impenjattiva għall-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) fejn nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru kellha tiġi organizzata t-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2019/2020 fil-Kumpless Sportiv f’Ta’ Qali. Iżda din kellha tiġi posposta wara l-maltemp tal-ġurnata ta’ qabel. Għaldaqstant nhar il-Ħadd 15 ta’ Diċembru ġiet organizzata t-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020, fil-Barriera tal-Fawwara.

Fi Klassi A rebaħ Bernard Sammut fuq mutur Beta 300cc b’ħin ta’ 5 minuti 4.57 sekondi segwit minn James Zahra fuq mutur Sherco 300cc b’ħin ta’ 5 minuti 17.92. Fit-tielet post daħal Matthew Gauci fuq mutur Sherco 300cc b’ħin ta’ 5 minuti 21.10 sekondi.

Fi Klassi B Melvin Borg fuq mutur Sherco 300cc rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 7 minuti 2.48 sekondi segwit minn Aiden Cilia la Corte fuq mutur Husqvarna b’ħin ta’ 7 minuti 5.26 sekondi. It-tielet post intrebaħ minn Michael von Brockdorff fuq mutur Beta 200c b’ħin ta’ 7 minuti 6.60 sekondi.

Fi Klassi C rebaħ Jamie Vassallo fuq mutur KTM 150cc b’ħin ta’ 6 minuti 55.53 sekondi segwit minn Mario Gatt fuq mutur Honda 250cc b’ħin 8 minuti 44.56 sekondi.

Fi Klassi D rebaħ Julian Scicluna fuq mutur Beta 300cc b’ħin 7 minuti 43.45 sekondi segwit minn Antoine Muscat fuq mutur KTM 85cc b’ħin 10 minuti 38.23 sekondi.

Attività oħra Enduro ħa ssir fid-19 ta’ Jannar 2020 fil-Barriera tal-Ballut Limiti tan-Naxxar bl-attività tibda fl-għaxra ta’ filgħodu. L-attività tal-Motocross li jmiss ser issir fil-5 ta’ Jannar 2020 fil-kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda wkoll fl-għaxra ta’ filgħodu.

Nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru 2019 l-ASMK ħa torganizza l-attività speċjali li ssir ta’ kull sena fi żmien il-Milied. Bħas-snin preċedenti l-attività tiġi mtella’ biex jinġabru fondi għall-ISTRINA. F’din is-26 edizzjoni, fil-programm tal-ġurnata sejrin naraw is-sezzjoni Autocross bit-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020. Il-programm tal-ġurnata jibda bil-karozzi Autocross fl-fl-għaxra ta’ filgħodu. Il-program Autocross mistenni jispiċċa għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar biex tibda d-Demolition Derby.

Għalkemm il-kompetituri tad-Demolition qed isibuha diffiċli ħafna li jixtru karozzi qodma, għal dan l-avveniment irreġistraw 46 kompetitur. F’din l-edizzjoni se naraw 16-il kompetitur ġdid u 30 li huma sewwieqa li soltu jieħdu sehem. Għaldaqstant, meta n-numru ta’ kompetituri ġodda jkun iktar minn terz tal-oħrajn jagħmilha iktar diffiċli li jkun previst min sa jkun biċ-ċans ta’ Rebbieħ u Runner-Up.

Għalkemm il-ħbit bil-karozzi huwa l-irwol ta’ din il-logħba, is-sewwieqa għandhom regoli ta’ sigurtà speċjali li jridu jiġu osservati sabiex titħares is-saħħa tas-sewwieqa kollha. Ir-regoli preventivi ta’ din il-loghba jridu jiġu osservati mis-sewwieqa kollha matul u sal-aħħar tad-Demolition Derby. Filwaqt, l-Assoċjazzjoni tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex dan iseħħ.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha wkoll fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email:- info@asmk.org.mt

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment