Samir Handanović ippremjat mill-Inter Club Gozo

Thursday, November 17, 2016, 18:50

Gavin Muscat

Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2016 l-Inter Supporters Club ta’ Għawdex għamlu l-premjazzjoni tal-għazla annwali tal-Aħjar Plejer tagħhom, lil gowlkiper Samir Handanović.

Għal din l-okkażjoni grupp ta’ 16 il-membru mmexxija mill-president tal-Klubb Joe Bajada kellhom esperjenzi ferm sbieħ u li ma jintesew qatt matul din iż-żjara tagħhom. Huma kellhom ix-xorti li jżuru s-Sede tal-Inter f’Corso Vittorio Emmanuele II fejn hawn il-membri kollha kellhom ix-xorti jammiraw id-diversi trofej li rebħu l-Inter fl-istorja glorjuża tagħhom.

Żjara oħra tal-grupp kienet fiċ-Centro Cordinamento fejn hawn il-grupp Għawdxi kellu sorpriża sabiħa meta ltaqgħu ma’ wieħed mill-leġġendarji u ex-captin u kowċ tal-Inter, Mario Corso. Corso lagħab 413 partita mal-Inter bejn l-1957 u l-1973 fejn skorja 75 bl-ispeċjalita’ tiegħu tkun il-frikiks diretti. Bħala kowċ huwa mexxa lill-Inter fl-istaġun 1985–86. Mal-Italja, Corso lagħab 23 partita b’4 gowls bejn l-1961-1971.

Waqt taħdidiet li Joe Bajada kellu mal-uffiċjali ta ċ-Centro Cordinamento, ntlagħqet it-talba biex kull membru jkollu okkażjoni ndementikabbli għal partita ta’ kontra t-Torino. Filfatt is-segretarju tal-klubb Mario Tabone ngħata l-inkarigu li jmexxi grupp ta’ 9 membri li niżlu mat-touch line tal-pitch ta’ San Siro biex għal 30 minuta ammiraw il-warming up tal-plejers titolari u anke dawk riserva tal-Inter. Din l-opportunita’ kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha u kienu huma l-uniku klubb li ngħata dan iċ-ċans għall-imsemmija logħba. Intant il-membri l-oħra ngħataw ċ-ċans li jagħmlu t-tour ta’ San Siro fejn huma żaru postijiet stratetiċi fosthom il-bankijiet tas-sostituti u fuq kollox id-dressing room armata u dan ftit minuti biss qabel il-wasla tal-plejers tal-Inter.

Imbagħad il-qofol ta’ din il-mawra kien li wara li spiċċat il-partita mirbuħa minn Neroazzurri kontra l-Granata bl-iskor ta’ 2-1 b’doppjetta tal-kaptin Mauro Icardi, l-president tas-Supporters Klubb ta’ Għawdex Joe Bajada assistit mill-assistent segretarju Alvin Grech għamlu l-premjazzjoni tal-Aħjar Plejer tas-Sena skond il-votazzjoni tal-membri tagħhom lil gowlkiper Samir Handanović. Hawn Handanović wera s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-għażla fejn wara li mbagħad iffirma ritratti uniċi tiegħu marbuta ma’ din l-għażla li wara dawn ngħataw lil membri kollha preżenti għal din il-mawra. Mistoqsi direttament minn Bajada jekk huwa hux ġej Malta għal partita internazzjonali ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-Slovenia kontra Malta nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, il-gowlkiper Interista wieġeb li huma mhux ser ikun preżenti f’Malta għax irtira mit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

Finalment l-Inter Supporters Club ta’ Għawdex jixtiequ jroddu ħajr lid-Diriġenti tal-Inter, kif ukoll lill-uffiċjali taċ-Centro Cordinamento fejn wara li tħallew tifkiriet tl-Klubb Għawdxi, l-istess diriġenti faħħru l-komportament tal-Għawdxin u b’sodisfazjon qalulhom li din iż-żjara tagħhom f’San Siro ġabet il-fortunata lill-Inter fejn in-Neroazzurri rritornaw għar-rebħ wara dik ta’ 2-0 kontra Empoli nhar l-Erbgħa 21 ta’ Settembru li għadda.

Ritratt: Il-President tal-Inter Supporters Club Gozo (Malta) Joe Bajada jidher jippreżenta t-trofew lil Samir Handanović fil-preżenza ta’ Alvin Grech, assistent segretarju tal-istess klubb Għawdxi.

————————————————————————————————————————————————————-

Gallery

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment