Saintfiet iħabbar l-iskwadra proviżorja għal-logħba kontra l-Estonja

Wednesday, November 1, 2017, 9:39

Il-kowċ nazzjonali Tom Saintfiet sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 25 player għal-logħba ta’ ħbiberija kontra l-Estonja, li se tintlagħab fit-12 ta’ Novembru, 2017.

Din il-logħba, li tibda fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali, se tkun l-ewwel waħda għal Saintfiet minn mindu nħatar bħala s-suċċessur ta’ Pietro Ghedin aktar kmieni dan ix-xahar.

Saintfiet ibbaża l-ewwel skwadra tiegħu fuq ħafna mill-players stabbiliti li kienu regolari fil-logħbiet mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja iżda introduċa wkoll xi wċuħ ġodda.

Fost dawn insibu l-player ta’ Rangers Myles Beerman u l-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko. Beerman u Nwoko mistennija jingħaqdu mal-iskwadra nazzjonali wara l-impenn li se jkollhom jumejn qabel mat-tim ta’ taħt il-21 sena f’partita ta’ kwalifikazzjoni tal-istess kategorija, kontra t-Turkija fl-10 ta’ Novembru fit-3pm fis-Centenary Stadium.

Waqt li Beerman, li għandu 18-il sena, diġà għamel id-debutt mat-tim nazzjonali A f’Ġunju li għadda f’rebħa ta’ 1-0 f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ukrajna, għal Nwoko, ta’ 20 sena, din hija l-ewwel sejħa għalih mal-iskwadra tal-kbar.

Saintfiet sejjaħ għall-ewwel darba lill-captain ta’ Ħamrun Spartans Triston Caruana, waqt li hemm spazju wkoll għar-ritorn ta’ Ryan Scicluna, ta’ Birkirkara, kif ukoll Rowen Muscat li għadu kemm għamel ir-ritorn tiegħu ma’ Valletta wara li rkupra minn injury.

Id-difensur ta’ Gżira United, Clifford Gatt Baldacchino, ġie nkluż fl-iskwadra filwaqt li Jean Paul Farrugia, l-attakkant ta’ FC Chiasso fl-Isvizzera, mistenni jirritorna wara li tilef l-aħħar żewġ impenji bil-flokk nazzjonali, d-draw ta’ 1-1 f’Ta’ Qali kontra l-Litwanja u t-telfa 3-0 mas-Slovakkja f’Trnava.

Ħames players fl-ewwel skwadra magħżula minn Saintfiet jilagħbu barra l-pajjiż, fejn apparti Beerman u Farrugia, hemm ukoll Zach Muscat, id-difensur ta’ US Arezzo, Luke Gambin ta’ Luton Town u Andrè Schembri li fi tmiem il-ġimgħa reġa’ sab ix-xibka fil-kampjonat Ċiprijott mal-klabb tiegħu, Apollon Limassol.

Il-players fl-iskwadra ta’ Saintfiet għandhom jirrapurtaw għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ nhar it-Tnejn li gej.

Din il-logħba ta’ ħbiberija kontra l-Estonja jġġib fi tmiemhom l-impenji tat-tim nazzjonali Malti għal din is-sena, liema partita d-dħul għaliha fl-Istadium Nazzjonali se jkun bla ħlas.

L-Estonja spiċċaw ir-raba’ fi Grupp H mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2018 b’total ta’ 11-il punt minn 10 partiti.

 

L-ISKWADRA PROVIŻORJA

GOALKEEPERS

Henry Bonello (Valletta); Andrew Hogg (Hibernians); Steve Sultana (Ħamrun Spartans).

DIFENSURI

Andrei Agius (Hibernians); Cain Attard (Birkirkara); Steve Borg (Valletta); Ryan Camilleri (Valletta); Clayton Failla (Hibernians); Clifford Gatt Baldacchino (Gżira United); Zach Muscat (US Arezzo); Joseph Zerafa (Valletta).

MIDFIELDERS

Myles Beerman (Glasgow Rangers); Triston Caruana (Ħamrun Spartans); Ryan Fenech (Balzan); Paul Fenech (Balzan); Luke Gambin (Luton Town);  Rowen Muscat (Valletta); Steve Pisani (Floriana); Andrè Schembri (Apollon Limassol); Ryan Scicluna (Birkirkara).

ATTAKKANTI

Alfred Effiong (Balzan); Jean Paul Farrugia (FC Chiasso); Lydon Micallef (Ħamrun Spartans); Michael Mifsud (Valletta); Kyrian Nwoko (Valletta).





Leave a comment