Ruben Galea u Dr Wayne Pisani ġew eletti bħala Teżorier u Viċi Segretarju tal-MMF

Wednesday, August 12, 2020, 19:05

Il-Malta Motorsport Federation (MMF) organizzat Laqgħa Ġenerali Straordinarja fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju biex jintlew il-karigi li kienu battala ta’ Teżorier u Viċi-Segretarju. Matul l-EGM, għadd ta’ emendi għall-istatut tal-MMF ġew ippreżentati għall-konsiderazzjoni tal-membri.

Tonio Cini, President tal-Federazzjoni, aġġorna lill-membri bil-ħidma u l-inċentivi meħuda mill-Federazzjoni bħala parti mill-kontinġenzi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq l-organizazzjoni ta’ avvenimenti sportivi mill-membri, li ċertament, hija l-akbar sfida li l-Malta Motorsport Federation u l-membri qed ffaċċjaw din is-sena. Fost affarijiet oħra s-Sur Cini ta wkoll ħarsa ġenerali rigward il-progress tal-ewwel fażi tal-programm ta’ żvilupp għal sewwieqa żgħażagħ bl-appoġġ tal-FIA, u l-kompetizzjoni Gran Turismo bil-kollaborazzjoni ma’ World Pro Racing, li saru online.

Pierre Sammut, it-Teżorier uxxenti mill-Federazzjoni qara r-rapport finanzjarju u semma xi wħud mill-proġetti li qed isiru bħalissa u l-pjanijiet u l-miri li l-Federazzjoni għamlet għall-2020/21. Ir-rapport finanzjarju awditjat ġie approvat mill-klabbs membri kollha preżenti għall-Laqgħa Ġenerali Straordinarja.

Il-laqgħa mbagħad imxiet biex tikkunsidra numru ta’ emendi għall-istatut tal-MMF li jittrattaw ir-rwol tad-Delegati u Uffiċjali Sportivi, votazzjoni fil-laqgħat ġenerali u rwoli onorarji. Il-membri approvaw l-emendi proposti.

Fi tmiem il-laqgħa Ruben Galea ġie elett bħala Teżorier u Dr Wayne Pisani ġie elett Viċi Segretarju tal-Malta Motorsport Federation b’mod unanimu mill-membri.

Il-Kunsill Amministrattiv tal-MMF għall-2020 huwa magħmul mis-Sur Tonio Cini, President; is-Sur Jesmond Mangion, Viċi President; is-Sinjura Susanne Fenech, Segretarja Ġenerali; is-Sur Ruben Galea, Teżorier u Dr Wayne Pisani, Viċi Segretarju.

 

 

 

 

Ruben Galea – Teżorier

Is-Sur Ruben Galea ilu intraprenditur għal aktar minn 20 sena. B’Masters in Business Administration mill-Henley Business School, Ruben huwa negozjant b’esperjenza li kien involut f’ħafna negozji. Huwa pijunier fil-kunċett ta’ kiri ta’ karozzi lussużi f’Malta, u bħalissa huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Signature Selection u Signature Private Office.

Il-passjoni ta’ Ruben għall-karozzi ġabuh f’kuntatt mal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport fl-2015. Matul dawn l-aħħar snin, huwa appoġġa l-Federazzjoni permezz ta’ diversi sponsorjar. Is-sur Galea għandu l-intenzjoni li jpoġġi l-għarfien tiegħu għall-benefiċċju tal-Federazzjoni u biex isaħħaħ il-preżenza u operat tal-Federazzjoni.

 

 

 

 

Dr Wayne Pisani – Viċi Segretarju

Dr Wayne Pisani huwa avukat bi professjoni, responsabbli mis-sezzjoni regolatorja u ta’ konformità (compliance) fi Grant Thornton, waħda mill-organizazzjonijiet ewlenin fid-dinja ta’ ditti ta’ awdituri u assigurazzjoni indipendenti, ta’ taxxa u konsulenza, u li matul l-aħħar 20 sena, ilu jassisti firxa wiesgħa ta’ klijenti lokali u internazzjonali fil-kamp tat-taxxa u servizzi finanzjarji. Dr Pisani huwa l-President tal-Istitut tal-Prattikanti tas-Servizzi Finanzjarji u membru tal-bord tal-gvernaturi ta’ Finance Malta.

Dr Pisani dejjem kellu interess qawwi fid-dinja tal-motorsport u l-mekkanika sa minn tfulitu, u kien attiv f’diversi oqsma ta’ l-isport inkluż ġurnaliżmu fil-kamp awtomobilistiku u kompetizzjonijiet tal-motorsport. Huwa kien ukoll Segretarju Ġenerali fi ħdan il-Federazzjoni Ekwestri ta’ Malta għal 15-il sena. Huwa impenjat bis-sħiħ li jaqsam l-esperjenza tiegħu biex jgħin lill-MMF, il-membri tagħha u l-komunità tal-motorsport bi tmexxija soda u governanza tajba fil-livelli kollha – mill-bażi sa’ fuq nett – filwaqt li jinkuraġġixxi l-aħjar prattika sportiva f’kull ħin, b’mod modern, sigur, sostenibbli u strutturat, b’opportunità ugwali.





Leave a comment