Royal Malta Yacht Club tippublika l-Avviz tat-Tellieqa

Wednesday, June 17, 2020, 11:47

Minkejja s-serjetà kontinwa tal-pandemija COVID-19, hemm sinjali li s-sitwazzjoni qed tittaffa madwar id-dinja.

B’ottimiżmu kawt, ir-Royal Malta Yacht Club (RMYC) ħabbar li l-Avviż tat-Tellieqa għal-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, ġie ppublikat u jinsab fuq is-sit elettroniku –  https://www.rolexmiddlesearace.com/race/documents

Matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat, l-RMYC immonitorja bir-reqqa l-iżviluppi globalment u b’mod partikolari, il-pariri u l-gwida mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Gvern Malti dwar l-isport tal-parteċipazzjoni fit-tlielaq tal-jottijiet.

L-intenzjoni tal-klabb li jospita t-tellieqa tal-2020 tibqa’ soġġetta għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment u l-evoluzzjoni tal-linji gwida bejn Ġunju u Ottubru. Il-pjan attwali huwa li jirrevedi s-sitwazzjoni attwali f’Awwissu. L-RMYC irriżerva d-dritt li jemenda l-Avviż tat-Tellieqa sal-31 ta’ Awwissu.

Sadanittant, kien hemm numru ta’ jottijiet li indikaw l-interess tagħhom li jipparteċipaw. S’issa waslu madwar 29 reġistrazzjoni, b’jottijiet li jirrappreżentaw il-Baħamas, il-Gżejjer Cayman, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Monako, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, Spanja u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Fost l-ismijiet hemm xi jottijiet li jikkompetu regolarment f’tlielaq ta’ 606 mil nawtiċi, bħall-Atame Fast 42 ta ‘Beppe Bisotto, J-109 Chestress ta’ Leonardo Petti, u il-JPK10.30 Jeanne ta’ Laurent Camprubi. Stefan Jentzsch daħħal il-jott ġdid tiegħu Black Pearl, il-Botin 56 li nbena fi Spanja u li se jitnieda din is-sena.

Żewġ ismijiet li huma ċerti li jipprovokaw interess enormi jekk jiġu f’Ottubru huma Black Jack u Comanche.

Il-jott ta’ 30.5m (100 pied) ta’ Peter Harburg Reichel/Pugh Maxi, Black Jack mexxa kampanja fl-Awstralja f’dawn l-aħħar snin. Filwaqt li dan se jkun l-ewwel parteċipazzjoni tat-tim Black Jack fir-Rolex Middle Sea Race, il-jott innifsu ikkompeta fil-passat bħala Alfa Romeo II u Esimit Europa 2, fejn ħadu unuri tal-linja f’ħames okkażjonijiet.

Forsi aktar famuż bis-saħħa tar-rekord tagħha huwa Comanche iddisinjat minn VPLP. Minn mindu tnieda fl-2014, it-30.5 m (100-pied) Maxi stabbilixxa għadd ta’ parametri referenzjarji fl-ibburdjar  fosthom il- Transatlantic West to East (Ambrose Light to Lizard Point), in-Newport Bermuda Race u aktar riċentament ir-Rolex Sydney Hobart Yacht Race. Ir-Rolex Middle Sea Race ser tkun l-ewwel tellieqa bit-tim il-ġdid.

Naturalment, għad fadal zmien qabel il-kanuni tas-Saluting Battery jistgħu jindikaw il-bidu tar-Rolex Middle Sea Race.  L-ottimiżmu tal-RMYC huwa mtaffi b’doża ta’ realiżmu. Fil-ħsieb tal-RMYC hu s-saħħa kontinwa tal-membri tagħha u l-komunità tal-ibburdjar.

Il-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race hija skedata li tibda nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru.

Aħbarijiet uffiċjali jinħargu mir-Royal Malta Yacht Club u l-aħħar aġġornamenti jinstabu ukoll fuq il-midja soċjali Rolex Middle Sea Race:

Facebook @RolexMiddleSeaRace
Instagram @rolexmiddlesearace
Twitter @rolexmiddlesea

Il-hashtags uffiċjali huma #rolexmiddlesearace #rmsr2020.





Leave a comment