Rodney Buttigieg ta’ Xewkija Tigers jirbaħ BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Settembru

Thursday, November 2, 2017, 11:28

L-attakkant ta’ Xewkija Tigers, Rodney Buttigieg, intgħażel bħala l-ewwel BOV GFA Plejer tax-Xahar għall-istaġun tal-futbol 2017/2018.

L-attakkant ta’ 26 sena skorja darbtejn fir-rebħa ta’ Xewkija ta’ 3-2 fuq SK Victoria Wanderers fil-Kampjonat BOV GFA u kien strumentali fir-rebħa tagħhom ta’ 4-1 fuq Marsascala, kif ukoll fir-rebħa bl-istess skor fuq SK Victoria Wanderers fl-FA Trophy organizzata mill-MFA.

Buttigieg beda l-karriera tiegħu mal-kbar ma’ Xewkija u stabbilixxa lilu nnifsu mal-ewwel ħdax. L-attakkant li huwa magħruf għax-xuttijiet b’saħħithom tiegħu lejn il-lasta tal-avversarji huwa wkoll plejer versatili u jagħti sehmu wkoll f’pożizzjonijiet aktar lura fil-grawnd meta mitlub jagħmel hekk mill-kowċ Jesmond Zammit fl-isforz tat-tim biex jiddefendi t-titlu tar-Rebbieħa tal-BOV FA li rebħu s-sena l-oħra.

Horace Laudi, il-Maniġer Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar lil Buttigieg fil-preżenza tal-plejers l-oħra tat-tim u tal-kowċ. Rodney għażel lill-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment