Rispons tajjeb immens għall-ewwel edizzjoni ta’ Global Run Valletta

Wednesday, October 26, 2016, 21:47

Gavin Muscat

Ir-rush tal-adrenalina kapaċi tnessi l-ħin anki lill-iktar runners ta’ esperjenza. Il-parteċipanti ta’ Global Run Valletta (GRV) ser ikollhom iċ-ċans li jieħdu magħhom premjijiet li jippermettulhom li jgawdu l-ġirjiet mingħajr ma jitilfu s-sens tal-ħin.

Organizzati minn Global Ports Holding – l-akbar operatur tal-portijiet tal-kruċieri tad-dinja u l-azzjonist maġġoritarju fil-Valletta Cruise Port – nhar il-Ħadd li ġej 30 ta’ Ottubru, GRV 2016 tikkonsisti fi tlett avvenimenti differenti: ġirja ta’ 10K, ġirja ta’ 5K, u mixja ta’ 5K fuq rotta mad-dawra tal-Belt. L-istennija għal dawn l-avvenimenti kienet evidenti hekk kif ir-reġistrazzjonijiet imtlew kollha u għalqu ġimgħa qabel id-data.

Fil-kategorija tal-etajiet, l-aqwa tliet rebbieħa ser jirbħu arloġġi speċjalizzati tal-ġiri tad-ditti Garmin Vivoactive HR+, Vivosmart HR+, jew Vivofit 3. L-irġiel u nisa ser jingħataw premjijiet separati.

Fil-kategorija ġenerali, l-aqwa ħames rebbieħa mill-gruppi tal-irġiel u tan-nisa ser jirbħu kull wieħed jew Garmin Forerunner 735XT, Forerunner 630, Forerunner 235, inkella Forerunner 230, kif ukoll Apple iPhone 7 (32GB) bħala l-ewwel premju.

Bħala inċentiv, atleta li jirbaħ premju fil-kategorija ġenerali mhux ser ikun eleġibbli għal premju fil-grupp tal-etajiet. B’hekk qed tingħata aktar opportunità biex iżjed atleti jkollhom iċ-ċans li jirbħu premju. Madankollu, kull parteċipant li jlesti r-rotta, lil hinn jekk hux bil-mixi jew bil-ġiri, jingħata midalja unika li nħadmet apposta għal din l-okkażjoni.  Il-kategoriji tal-etajiet huma: 18-29, 30-39, 40-49, 50-59, u 60 sena u aktar. L-etajiet ser ikunu kkalkulati skont dakinhar tat-tellieqa.

“Ir-rispons tal-pubbliku għas-sejħa tagħna biex ningħaqdu u niċċelebraw l-isbuħija tal-Belt filwaqt li niġbru fondi għal Puttinu Cares kien tassew kbir. Il-fatt li r-reġistrazzjonijiet laħqu l-mira għall-attività li qed issir għall-ewwel darba jixhed l-attrazzjoni ta’ Global Run Valletta,” qal Stephen Xuereb, Chief Operating Officer ta’ Global Ports Holding u l-Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port.

Il-flus kollha miġbura ser jingħataw lill-Puttinu Cares li ħabbret li ser tuża dawn il-fondi biex jinbnew djar ġodda fiċ-ċentru ta’ Londra għall-pazjenti Maltin u qrabathom meta jitilgħu għall-kura.

“F’isem Puttinu Cares u l-organizzaturi ta’ din l-attività, nixtieq nirringrazzja lil dawk li rreġistraw biex jagħtuna daqqa t’id,” qal Dr Victor Calvagna, President tal-Fondazzjoni Puttinu Cares.

GRV 2016 hi attività maħsuba speċjalment għall-familja, bi spettaturi li mistennija li jkunu preżenti nhar il-Ħadd biex jinkuraġġixxu lill-parteċipanti jew sempliċiment biex jieħdu pjaċir bix-xenarju sabiħ tal-Valletta Waterfront.

Sadanittant, l-MCP Car Parks ser iħaddmu l-lifts mis-06:45am ħalli n-nies ikunu jistgħu jipparkjaw il-karozzi tagħhom fl-MCP ta’ Floriana. Il-karozzi jistgħu jkunu pparkjati fil-Car Park  tal-Atrium, fil-parkeġġ biswit Q Bar, kif ukoll faċċata tal-fabbrika tal-inbid l-antika Coleiro Winery.

Ir-race kits jistgħu jinġabru nhar is-Sibt li ġej 29 ta’ Ottubru mid-09:30am sas-06:00pm b’sessjoni ta’ tagħrif dwar l-attività fil-05:00pm. L-aħħar race kits ser jitqassmu l-Ħadd 30 ta’ Ottubru sat-07:45am.

Global Run Valletta ser tkun tellieqa ġdida li tippromwovi l-ġiri u stil ta’ ħajja attiva, kif ukoll għandha l-għan li tqiegħed lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tat-tiġrijiet fit-triq. Edizzjonijiet oħra ta’ Global Runs diga’ saru f’Kotor, il-Montenegro u f’Bodrum, it-Turkija. Din l-attività ta’ livell għoli qed issir skont ir-regolamenti tal-organizzazzjoni Malta Amateur Athletics Association (MAAA) u l-International Association of Athletics Federation (IAAF).

Il-parteċipazzjoni għall-kompetizzjoni tar-ritratti ‘GRV – Sports & Tourism’ għadha miftuħa. Id-data tal-għeluq tal-kompetizzjoni se tkun il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru, 2016 f’nofsinhar (ħin ta’ Malta). Hemm premjijiet fi flus u ċertifikati, filwaqt li l-aqwa ritratti jistgħu jkunu eliġibbli biex jieħdu sehem f’wirja. Dħul u formoli tal-kunsens jinkisbu minn www.globalrunvalletta.com/photocompetition

Aktar tagħrif dwar Global Run Valletta 2016 jinkiseb minn fuq facebook.com/globalrunseries u instagram.com/globalrunseries .





Leave a comment